Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAĊ-ĊENTRU TAL-INTERPRETAZZJONI TAS-SWAR, BIAGGIO STEPS, VALLETTA - IS-SIBT, 16 TA’ FRAR 2013

pr0248
Date Icon 17/02/2013

Onorevoli Ministru,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

L-esperjenza tal-lejla fejn qed ninawguraw dan l-investiment f'Ċentru tal-Interpretazzjoni tas-Swar hi waħda bi sfumaturi differenti.

Hi ċelebrazzjoni kulturali, artistika, edukattiva u ekonomika.

Ċelebrazzjoni ta' investiment ieħor ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u tad-deċiżjoni t-tajba li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea.

Hi wkoll ċelebrazzjoni ta' investiment ieħor fi proġett li jirrendi għal pajjiżna - proġett li jsaħħaħ l-apprezzament tagħna lejn l-istorja ta' pajjiżna. 

Għalhekk huwa b'sens ta' sodisfazzjon u kburija nazzjonali li qiegħed hawn illejla magħkom biex ninawguraw The Fortress Builders.

Kull pajjiż għandu identità nazzjonali miġbura f'xi qasam jew ieħor tal-attività umana.  Meta nħarsu lura lejn l-istorja ta' pajjiżna, insibu poplu li bbrilla fost l-oħrajn fix-xogħol tal-ġebla.  Ġebla li hija riżorsa naturali u li serviet bħala tila fejn il-ħaddiem Malti esprima l-ħila u l-kreattività tiegħu f'kull epoka tal-istorja.

L-iżvilupp ta' pajjiżna huwa dokumentat fil-ġebla tagħna stess.  L-arkitettura ta' pajjiżna; ta' kull forma, epoka u stil; hi arkitettura li tiddokumenta l-identità ta' poplu ħabrieki, produttiv u kreattiv. Mill-ġebel maestuż tat-tempji tagħna sal-katakombi, mill-knejjes barokki sas-swar tagħna, mill-bereġ tal-Ordni ta' Malta sal-bini ta’ żmien l-Ingliżi u sal-bini modern hija dejjem il-ġebla li tibqa’ d-dokument ħaj u oriġinali tal-istorja tal-poplu tagħna.

Iċ-Ċentru li qegħdin fih illum jistedinna nħarsu lejn epoka u avvenimenti partikulari fl-istorja ta' pajjiżna u tal-Ewropa.  Il-bini tal-fortifikazzjonijiet mill-Ordni ta' San Ġwann ifakkarna fil-perjodu qalil u delikat tal-istorja ta' Malta fejn dawn l-istess swar kienu wkoll fruntiera Ewropea.  Kienu dawn is-swar mibnija ġebla, ġebla minn tant ħaddiema Maltin li ddeterminaw l-istorja mhux biss ta' pajjiżna imma tal-Ewropa ukoll.

Il-fortifikazzjonijjiet Maltin huma espressjoni ta' arkitettura, inġinerija u arti magħġuna f'kull ġebla.

Dan iċ-Ċentru għalhekk jiftaħ tieqa sabiex il-viżitatur jiskopri aktar fuq dawn il-fortifikazzjonijiet u swar imxerrdin ma’ pajjiżna.  Dan il-proġett, għalhekk, għandu importanza kbira għax jibgħat messaġġ ċar ta' kemm hi kbira l-għożża u l-apprezzament ta' dan il-wirt storiku li jagħti lill-Malta dimensjoni unika.

Iċ-Ċentru li qed ninawguraw huwa parti minn proġett aktar wiesa’ ta' investiment fis-swar.  Nemmnu li dan huwa patrimonju uniku u huwa d-dmir tagħna li nirristawrawh.  Illum, min idur mal-Belt, l-Imdina, il-Birgu u ċ-Ċittadella f'Għawdex jara mijiet ta' ħaddiema jaħdmu fuq is-swar. 

Qed nagħtu futur lill-passat tagħna.

Sinjuri,

Industrija ewlenija ta’ pajjiżna, it-turiżmu, tiddependi mill-wirt storiku u kulturali.  Pajjiżna jista’ jkompli jattira aktar turisti jekk nesponu aktar dan il-patrimonju uniku.  Għalina l-wirt storiku hu wkoll forza ekonomika li għandha potenzjal li tkompli tikber fis-snin li ġejjin.  Tul dawn l-aħħar ħames snin, pajjiżna rnexxielu jikseb erba’ snin rekords fit-turiżmu.  Kif nafu tajjeb, mit-turiżmu jiekol kulħadd u n-nefqa ta’ aktar minn 1.3 biljun ewro fl-2012 kompla jsostni l-ekonomija tagħna.  Grazzi għal dan, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata aktar mgħaġġla mill-medja ewropea u hekk biss stajna noħolqu aktar minn 20,000 post tax-xogħol.

Għalhekk l-impenn tal-Gvern favur il-wirt storiku ta’ pajjiżna.  Il-proġett tar-restawr tas-swar huwa biss proġett wieħed minn programm sħiħ ta’ aktar minn ħamsa u sebgħin miljun ta’ investiment fil-patrimonju storiku.  Fost il-proġetti nsibu t-tined protettivi u ċ-ċentru għall-viżitaturi f’Ħaġar Qim u l-Imnajdra, ir-restawr fit-Tempji tal-Ġgantija u ta’ Ħal Tarxien kif ukoll fuq il-Katakombi ta’ San Pawl.  Beda wkoll ir-restawr tal-Forti Sant’Anġlu u Sant’Iermu.  Se jinbeda wkoll il-proġett ta’ ċentru għall-viżitaturi ġewwa ċ-Ċittadella. 

Dawn minbarra l-katina sħiħa ta’ proġetti li għamilna fil-Belt Valletta, ibda mir-restawr ta’ numru ta’ faċċati ta’ bereġ u palazzi sal-lift, mill-proġett tal-breakwater sal-pavimentar ta’ toroq, mill-investiment fi Pjazza San Ġorġ sal-proġett ta’ bieb il-Belt.  Dawn huma kollha proġetti li juru b’mod konkret kemm il-belt Valletta tistħoqq attenzjoni msarrfa f’inizjattivi li mhux biss jidhru imma li jibqgħu.  Dan kollu, jikseb rilevanza ġdida hekk kif il-belt se tkun magħrufa fl-2018 bħala belt kapitali Ewropea tal-kultura. 

Proġetti li mhux biss se jtejbu l-prodott li joffri pajjiżna bħala proposta kulturali lid-dinja imma huma wkoll proġetti li qed joħolqu mijiet ta’ postijiet tax-xogħol u nistgħu ngħidu li ħloqna industrija ġdida tar-restawr f’pajjiżna b’tagħlim speċjalizzat u kumpaniji privati joffri s-servizzi tagħhom.

Dawn il-proġetti huma wkoll frott ta’ deċiżjoni għaqlija li ħadna bħala pajjiż bi sħubija fl-Unjoni Ewropea.  Dawn il-proġetti ta’ restawr u riġenerazzjoni kulturali, jingħaqdu mal-benefiċċji kollha l-oħra tal-fondi Ewropej li qed jagħmlu tant differenza fil-ħajja tagħna lkoll mit-toroq, sal-investiment fis-saħħa, fl-isptarijiet u fl-edukazzjoni u taħriġ permezz ta' scholarships u apparat ġdid għall-istudenti tagħna.  Dawn il-fondi u l-benefiċċji li ksibna huma frott tal-viżjoni u tal-ħidma tal-Gvern.

Intom ilkoll li qed taraw it-tibdil li ġabu magħhom dawn il-fondi tapprezzaw l-importanza u l-ħidma bla waqfien tal-Gvern biex ksibna elf, mija u tmienja u għoxrin miljun ewro għas-seba’ snin li ġejjin.  Kienu negozjati ibsien però rnexxielna nakkwistaw pakkett ta' fondi li se jkomplu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.  Issa rridu naħdmu bil-għaqal dwar kif se ninvestu dawn il-fondi f’pajjiżna biex noħolqu aktar impjiegi, ninvestu aktar fis-saħħa u fl-edukazzjoni, ngħinu bi skemi setturi differenti fosthom sidien ta’ negozji żgħar u medji, bdiewa, raħħala u sajjieda, inkomplu ntejbu l-infrastruttura u l-ambjent ta’ pajjiżna, u ninvestu f’Għawdex.  L-Unjoni Ewropea ma tagħtikx il-fondi u tonfoqhom kif trid, imma hemm proċess li jrid isir.  Proċess li jitlob ħila u għaqal għaliex inkella pajjiżna jissogra li jitlef il-fondi li ġibna b’negozjati iebsa.

Sinjuri,

Is-swar jirrakkuntaw storja ta’ qlubija u huma mera tal-kapaċità ta’ missirijietna.

Għalhekk jien ċert li dan hu proġett li jsib l-apprezzament tagħna lkoll għax jesponi b’mod uniku u b’mod interattiv dan il-wirt storiku tas-swar ta’ pajjiżna.

Dan iċ-ċentru kif ukoll il-proġetti kollha li qegħdin ninvestu fihom huma parti mill-programm tal-Gvern immexxi minni sabiex nagħmlu kulma nistgħu biex nagħrfu dejjem aktar aħna min aħna. 

Aħna nibqgħu nazzjon b’identità u poplu kburi bi ġrajjietu u ħidmietu kif jixhdu is-swar ta’ pajjiżna.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow