IL-MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN, L-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH F'TAĦDITIET FI TRIPLI MAL-MINISTRU LIBJAN TAL-AFFARIJIET BARRANIN U KOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI MOHAMMED EMHEMED ABDEL AZIZ
Lejlet laqgħa ristretta għal numru ta' Ministri Ewropej tal-Affarijiet Barranin li se ssir għada f'Pariġi fl-okkażjoni ta' għeluq is-sentejn mill-bidu tar-rivoluzzjoni fil-Libja, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr Francis Zammit Dimech kellu taħditiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan Mohammed Emhemed Abdel Aziz fi Tripli.
Dr Francis Zammit Dimech qal li Malta hija kommessa sabiex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni speċjali mal-poplu Libjan permezz ta' iktar kollaborazzjoni f'diversi oqsma fosthom dawk edukattivi, politiċi, ta' sigurtà u ġustizzja.
Kompla jgħid li Malta u l-Libja se jkomplu jaħdmu flimkien biex iressqu ’l quddiem l-interessi ta' xulxin f'bosta materji ta' importanza nazzjonali u internazzjonali. Irrefera għall-ħidma bilaterali fuq diversi oqsma fosthom dwar il-bżonn li jissaħħaħ il-mekkaniżmu ta' kontrol tal-fruntieri. Fi kliemu din se tkun l-aġenda ewlenija li Malta flimkien mal-Libja u għadd ta' pajjizi oħra se jkunu qed jiddiskutu għada fil-laqgħa Ministerjali Internazzjonali f'Pariġi li se tiffoka fuq il-Libja.
Il-Ministru Francis Zammit Dimech rrefera għall-iżviluppi li qed iwettaq il-poplu Libjan sabiex jissaħħaħ fil-mixja demokratika tiegħu. Huwa saħaq li Malta se tibqa’ tkun viċin tal-poplu Libjan u se tkompli ssarraf il-valuri ta' solidarjetà fil-prattika, kif għamlet b'responsabbiltà fiż-żmien tar-rivoluzzjoni.
Huwa qal li hemm bosta oqsma, fosthom dawk edukattivi, ekonomiċi u kulturali li jistgħu jkomplu jissaħħu.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Abdel Aziz irringrazzja lill-Ministru Zammit Dimech ta' din iż-żjara u lill-poplu Malti talli dejjem ta s-sehem tiegħu favur il-poplu Libjan. Qal li r-relazzjoni bejn Malta u l-Libja mhijiex sempliċiment waħda diplomatika u politika iżda hija waħda speċjali bbażata fuq is-solidarjetà.
Qal li ż-żewġ pajjiżi qed jaħdmu biex tissaħħaħ din ir-relazzjoni u li Malta għandha rwol importanti fid-dawl tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u l-qagħda tagħha f'nofs il-Mediterran. Fi kliemu, il-Libja tilqa' l-għajnuna ta' Malta fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ fil-lingwa Ingliża u taħriġ fl-oqsma tal-forzi tal-ordni u l-ġustizzja.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en