IKTAR MINN €11-IL MILJUN LILL-GĦAQDIET MHUX GOVERNATTIVI LI JAĦDMU FIL-QASAM SOĊJALI F’ĦAMES SNIN
Permezz tal-Fond għall-Għaqdiet Mhux Governattivi (NGO Fund), li l-Gvern waqqaf biex jgħin b’mod dirett lill-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam soċjali, fl-aħħar ħames snin il-Gvern għen lil 34 għaqda bl-għotja ta’ għajnuna finanzjarja diretta li taqbeż il-€11.7 miljun. Dan minbarra għajnuna finanzjarja minn fondi oħra kif ukoll għajnuniet oħrajn.
Dan qalu l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, ftit qabel ma ppreżenta ftit iktar minn €700,000 oħra ta’ għajnuna finanzjarja lil 28 għaqda li jaħdmu fil-qasam soċjali f’pajjiżna biex jgħinhom jiffinanzjaw inizjattivi li qegħdin jieħdu fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2013.
Il-Ministru Chris Said faħħar l-impenn ta’ dawn l-għaqdiet mhux governattivi li bil-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom, ħafna minnhom bis-sehem qawwi ta’ volontarjat, qed jagħmlu l-ħajja ta’ diversi kategoriji ta’ nies ferm aħjar.
Huwa fisser kif il-Gvern minn dejjem kellu għal qalbu l-qasam tal-volontarjat u l-għaqdiet mhux governattivi u dejjem fittex li jinvesti fihom filwaqt li jipprovdilhom qafas ta’ liġijiet u regolamenti kif ukoll numru ta’ skemi li jistgħu japplikaw għalihom u li jgħinuhom jaħdmu fil-qasam tagħhom.
Filwaqt li l-għajnuna li jagħti l-Gvern permezz tal-Fond għall-Għaqdiet Mhux Governattivi żdiedet kull sena mill-2008 ‘l hawn, Chris Said fisser kif l-allokazzjoni għal dan il-fond għas-sena li għaddiet kienet l-ikbar li qatt kienet, dik ta’ €3.1 miljun. Fis-sena 2013 dan il-fond huwa maħsub li jiżdied għal €4 miljun.
Anke din is-sena, spjega l-Ministru, l-organizzazzjonijiet li qed igawdu minn din l-għajnuna finanzjarja huma varjati u jinkludu fost l-oħrajn lil dawk li jagħtu servizz lill-persuni b’diżabilita’, nisa li sofrew minn vjolenza domestika u lil uliedhom, tfajliet sa 18-il sena, żgħażagħ jew familji emarġinati, ħabsin, vittmi tal-kriminalita’, anzjani u l-morda.
L-għajnuna ingħatat lil Istitut Paulo Freire, lil Fondazzjoni Jeanne Antide, lil Fondazzjoni Malta Guide Dogs, lis-Sorijiet ta’ Fra Diegu għad-Day Care Centre tagħhom, lil Fondazzjoni Equal Partners, Dar il-Kaptan, Moviment ta’ Kana, Dar Merħba Bik, Fondazzjoni Nazareth, Fondazzjoni Suret il-Bniedem, Fondazzjoni Richmond, SAS Azzjoni Kattolika, SOS Malta, Victim Support Group Malta, YMCA Malta, Millennium Chapel, Malta Autism Centre, Dar Jeanne Antide, Caritas Malta, Dar Osanna Pia, INSPIRE, Dar il-Wens, Dar tal-Providenza, Dar Qalb ta’ Ġesu’, Fondazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl, Muscular Dystrophy Group, Għaqda tat-Trasport tal-Morda f’Lourdes u lil Wanting and Waiting Support Group.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en