Left arrow Go Back

INAWGURAT CHILDCARE CENTRE ĠDID F’GĦAWDEX

pr0171
Date Icon 05/02/2013

Ġenituri Għawdxin li għandhom tfal sal-età ta’ tliet snin jistgħu jibbenefikaw minn servizz ġdid offrut mill-Footsteps Childcare Centre fl-Għarb li qed iservi ta’ spalla għal dawk il-familji li jinħtieġu dawn is-servizzi speċjalment f’dawk il-każijiet fejn iż-żewġ ġenituri għandhom impjieg. Dan iċ-ċentru ġie mwaqqaf permezz ta’ proġett ko-ordinat mill-Kunsill Lokali tal-Għarb li ġie mogħti għajnuna finanzjarja ta’ €70,000 mill-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Iskema ta’ EkoGħawdex għall-Kunsilli Lokali.

Bħalissa f’dan iċ-childcare centre jattendu b’mod regolari tfal ġejjin minn lokalitajiet differenti f’Għawdex u li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn ħmistax-il xahar u  sentejn u disa’ xhur. Il-faċilitajiet u s-servizzi li jingħataw f’dan iċ-ċentru, huma konformi mar-regolamenti skont l-Istandards Nazzjonali marbuta mal-Faċilitajiet tal-Kura tat-Tfal Matul il-Jum, u huwa attrezzat biex jaqdi l-eżiġenzi meħtieġa fl-indokrar ta’ trabi sal-età ta’ sena kif ukoll tfal akbar. Il-faċilitajiet, li joffru ambjent sabiħ u akkoljenti, jinkludu kamra mgħammra b’dak kollu meħtieġ biex jinżammu t-trabi kif ukoll spazju għal-logħob ġewwa u grawnd żgħir barra. Iċ-Ċentru huwa mgħammar b’mod li jipprovdi l-aqwa servizz permezz tar-riżorsi umani kif ukoll dawk fiżiċi, b’attrezzi li joffru sigurtà u arja kundizzjonata fil-post kollu. Il-programmi f’dan iċ-ċentru jinkludu tagħlim permezz tal-logħob, sessjonijiet tal-kant, attivitajiet, krafts u sessjonijiet rekreattivi u edukattivi.

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, inawgurat il-Footsteps Childcare Centre fil-preżenza tas-Sindku tal-Għarb, is-Sur David Apap u s-Sa. Victoria Sultana li tmexxi ċ-ċentru. Il-Ministru Debono fissret kif dan huwa proġett ieħor li qed joffri servizzi bil-għan li l-familji Għawdxin ikunu jistgħu jibbilanċjaw aħjar il-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja. ‘B’hekk qegħdin ukoll niffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ aktar nisa u ommijiet Għawdxin fil-qasam tax-xogħol’, żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Hija kompliet tfisser kif l-għanijiet ta’ dan il-proġett huma konformi wkoll ma’ waħda mill-miżuri elenkati fil-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012 li tipproponi l-provediment ta’ aktar faċilitajiet ta’ childcare f’Għawdex. Il-Ministru Giovanna Debono ħabbret li l-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem biex f’Għawdex jitwaqqaf Ċentru ta’ Żvilupp għat-Tfal qrib l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li mistenni jibda jinbena dalwaqt. Dan iċ-ċentru ser ikun qed joffri mhux biss servizz ta’ day care centre iżda ser ikun attrezzat ukoll biex jiġu provduti servizzi mediċi u kura oħra li jingħataw lit-tfal barra mill-isptar.

Iċ-ċentru Footsteps, jiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7.30 a.m. u t-3 p.m. u s-Sibt skont id-domanda, u jista’ jakkomoda massimu ta’ madwar 30 tifel u tifla.

Fil-messaġġ tagħha għall-inawgurazzjoni ta’ dan iċ-ċentru l-Ministru Giovanna Debono qalet ukoll li l-lokalità tal-Għarb ibbenefikat minn madwar €100,000 f’għajnuna finanzjarja fi proġetti oħra li jixhdu d-diversità tal-pjan marbut ma’ ekoGħawdex, bil-għan li tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja f’Għawdex f’kull aspett. Dawn il-proġetti ġew imwettqa mill-Għarb Rangers FC u l-Għaqda Mużikali Viżitazzjoni li bejniethom ħadu kważi €12,000 biex ġew stallati dwal li jaħlu inqas enerġija kif ukoll sistema li tirriċikla l-ilma flimkien mal-istallazzjoni ta’ twieqi bi ħġieġ doppju. L-Għaqda Folkloristika tal-Qiegħa, li tippromwovi l-ħarsien tal-patrimonju tradizzjonali u folkloristiku fir-raħal tal-Għarb, ibbenefikat minn għajnuna ta’ €20,000  li permezz tagħha setgħet twaqqaf mużew li fih qed jiġu esposti oġġetti sagri u teżori oħra li jirrappreżentaw mijiet ta’ snin ta’ storja marbuta mal-Bażilika u l-Parroċċa tal-Għarb. Il-Ministru Debono faħħret ukoll dan il-proġett li kien inawgurat dan l-aħħar li hija fissret bħala inizjattiva oħra  marbuta mal-ħarsien tal-patrimonju storiku, li jsaħħaħ il-wirt storiku u l-attrazzjonijiet turistiċi varji fil-lokalitajiet Għawdxin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow