DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-FERGĦA L-ĠDIDA TAL-LOMBARD BANK, TAS-SLIEMA – IL-ĦAMIS, 31 TA’ JANNAR 2013
Sur Said,
Mistednin Distinti,
Sinjuri,
Illum qegħdin niċċelebraw suċċess ieħor tas-settur finanzjarju u ta’ pajjiżna.
Għalhekk hu ta’ sodisfazzjon li qiegħed hawn illejla biex flimkien niċċelebraw pass ieħor importanti kemm fl-istorja tal-Lombard Bank u kemm tas-settur finanzjarju.
Tul is-snin, bħas-settur innifsu, il-Lombard Bank ittrasforma ruħu. Illum il-Bank hu kwotat fuq l-iStock Exchange, għandu 10 uffiċċji mifruxa ma’ Malta u kompla iżid il-ħaddiema li llum ilaħħqu aktar minn 150.
It-tkabbir u l-espansjoni tal-Lombard Bank tkompli tikkonferma kemm is-settur finanzjarju u bankarju Malti hu b’saħħtu. Tul dawn l-aħħar ħames snin, fejn sistemi bankarji u finanzjarji ta’ pajjiżi oħra għotru, is-settur f’pajjiżna kompla jissaħħaħ. F’dawn l-aħħar ħames snin, id-depożiti f’istituzzjonijiet Maltin żdiedu b’aktar minn 9 biljun ewro u llum ilaħħqu qrib it-42 biljun ewro.
Għalija, dawn iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. Dawn jixhdu sinjal qawwi ta’ fiduċja fis-settur bankarju u finanzjarju kif ukoll fl-ekonomija ta’ pajjiżna.
Sinjuri,
Is-suċċess ta’ kull settur, speċjalment dak finanzjarju u bankarju, jiddependi fuq l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż. Tul dawn l-aħħar ħames snin, quddiem sfidi globali kbar, l-ekonomija Maltija kompliet tirreġistra riżultati pożittivi ferm. Dan tikkonfermah l-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Unjoni Ewropea. Kif stqarret il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel waqt laqgħa li kelli magħha aktar kmieni dan ix-xahar, pajjiżna hu kkunsidrat wieħed mill-aħjar pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.
Fit-tielet kwart tal-2012, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, l-ekonomija Maltija kibret b’1.9%. Il-medja fl-Unjoni Ewropea u fiż-żona ewro kien ta’ tnaqqis.
Ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna hi s-sitt l-anqas fl-Unjoni Ewropea.
Bejn l-2008 u l-2011, ir-rata ta’ nies jaħdmu żdiedet b’2.4 punti perċentwali. L-akbar rata fl-Unjoni Ewropea. Il-medja Ewropea kienet tnaqqis ta’ 1.7 punti perċentwali.
Filwaqt li d-deficit ta’ pajjiżna naqas b’1.9 punti perċentwali bejn l-2008 u l-2011, il-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro kiber b’żewġ punti perċentwali.
Dawn l-erba’ indikaturi jixhdu l-kuntrast li jeżisti bejn l-ekonomija Maltija u l-medja tal-Unjoni Ewropea u taż-żona ewro. Pajjiżna qiegħed jikseb ir-riżultati.
F’dan kollu, is-settur finanzjarju jibqa’ pilastru importanti u jikkontribwixxi għal dawn ir-riżultati.
Tul dawn l-aħħar ħames snin, il-valur ekonomiku prodott minn dan is-settur kiber b’aktar minn 80% u ħoloq aktar minn 2,000 post tax-xogħol għaż-żgħażagħ u ħaddiema Maltin. Illum hemm aktar minn 12,000 ruħ jaħdmu f’dan is-settur. B’sistema regolatorja b’saħħitha, Malta rnexxielha tistabbilixxi ruħha bħala ċentru reġjonali fis-servizzi finanzjarji. Pajjiżna rnexxielu jiddiversifika s-settur u llum jilqa’ banek, trusts, hedge funds u insurances fost l-oħrajn. Mill-1,300 liċenżja li ħarġu mir-regolatur, aktar minn nofshom ħarġu tul dawn l-aħħar snin u dan ikompli juri kemm f’dawn l-aħħar ħames snin komplejna nkunu attraenti għall-investiment f’dan is-settur. F’dawn l-aħħar ħames snin, quddiem it-taqlib ekonomiku u finanzjarju kbir ħdimna biex l-investiment f’pajjiżna nħarsuh u narawh jikber. Kull impjieg nirsistu għalih, biex nipproteġu dawk li għandna u jiżdiedu oħrajn ġodda.
Sinjuri,
L-istatistika tkompli tikkonferma kemm dan is-settur kompla miexi ‘l quddiem.
Iż-żgħażagħ u l-ħaddiema li komplew isibu xogħol u xogħol aħjar f’dan is-settur jibqgħu l-aqwa konferma għalina. Għalhekk il-Gvern immexxi minni se jkompli jinvesti fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta tas-suċċess ta’ dan is-settur u ta’ pajjiżna.
Illejla, bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju l-ġdid, il-Lombard Bank qiegħed jikkonferma l-potenzjal ta’ dan is-settur li jkompli jikber u joħloq aktar xogħol.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en