KARNIVAL TA’ MALTA 2013
L-attivitajiet tal-Karnival Nazzjonali se jiżvolġu bejn il-Ġimgħa 8 u t-Tlieta 12 ta’ Frar, 2013 fil-Belt Valletta u l-Furjana. Għal darba oħra l-arena tal-Karnival se tkun armata fuq il-Fosos tal-Furjana.
Il-Ġimgħa 8 ta’ Frar l-attivitajiet jiftħu bi programm sħiħ ta’ żfin kompetittiv fl-arena tal-Fosos tal-Furjana fejn isegwi d-dħul għall-ewwel darba fl-arena l-Karru tar-Re tal-Karnival u parata ta’ maskeruni u banda. Qabel id-dħul tal-parata fl-arena, l-istess parata tkun offriet spettaklu kulurit tul Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Is-Sibt fid-9.30 ta’ filgħodu jingħata bidu għall-programm b’laqta partikolari għat-tfal. Matul dan il-programm se ssir modifikazzjoni taż-żifna tal-parata biex din tkun interattiva u għall-ewwel darba jipparteċipaw it-tfal preżenti.
Mill-10.30 ta’ filgħodu ’l quddiem ikun hemm parata oħra fil-Belt Valletta bil-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ maskeruni iżolati, banda u grupp tat-tfal.
Fis-2.00 ta’ wara nofsinhar jingħata bidu għall-programm sħiħ ta’ żfin kompetittiv fl-arena segwit bid-dħul tal-karrijiet trijonfali fl-istess pjazza. Fis-sitta ta’ filgħaxija jingħata bidu għall-Karnival ta’ bil-lejl fejn se jkun hemm esebizzjoni tal-karrijiet kollha fi Triq San Ġwann u Triq ir-Repubblika kif ukoll parata bil-maskeruni iżolati u l-baned li jduru mat-toroq ewlenin tal-Belt Valletta.
Il-Ħadd f’nofsinnhar tibda parata bil-maskeruni u l-banda minn Pjazza San Ġorġ għall-arena tal-Fosos tal-Furjana fejn fis-1.30 ta’ wara nofsinhar jingħata bidu għall-ispettaklu kbir ta’ kuluri bil-parteċipazzjoni tal-karrijiet trijonfali, kumpaniji taż-żfin, maskeruni, baned u diversi attivitajiet oħra relatati mal-Karnival. Wara l-arena, l-karrijiet jitilaw lejn il-Belt Valletta fejn għall-ħabta tas-2.30 ta’ wara nofsinhar tibda sfilata minn Misraħ Kastilja li tgħaddi minn Triq Merkanti, Triq San Ġwann għal Triq ir-Repubblika.
It-tim organizzattiv tal-Karnival iħeġġeġ lill-pubbliku biex b’mod partikolari s-Sibt filgħaxija u l-Ħadd wara nofsinhar, waqt li tkun għaddejja lis-sfilata ma jużax il-pont ta’ Puturjal biex jidħol u joħroġ mill-Belt Valletta.
It-Tnejn u t-Tlieta filgħodu se jsiru parati kbar karnivaleski mill-10.30 ta’ filgħodu ’l quddiem. Dawn l-isfilati jibdew minn Pjazza San Ġorġ. It-Tnejn filgħodu huma mistennija li jieħdu sehem ukoll numru ta’ kumpaniji taż-żfin mill-Karnival ta’ Għawdex. Wara l-isfilata għal ħabta tas-1 ta’ wara nofsinhar jkun hemm programm ta’ żfin mill-istess parteċipanti fi Pjazza San Ġorġ.
It-Tnejn fit-3 ta’ wara nofsinhar jingħata bidu għat-tielet u l-aħħar programm sħiħ ta’ żfin kompetittiv fl-arena tal-Karnival fuq il-Fosos tal-Furjana. Wara ż-żfin se jkun hemm wirja fl-istess arena mill-karrijiet kollha tal-Karnival. Din l-attività, maratona ta’ kuluri divertiment u spettaklu, hi inizjattiva li tħeġġeg lil dawk kollha li ma kellhomx l-opportunità li jsegwu l-attivitajiet fl-arena biex bi prezz sussidjat ta’ €10 jaraw b’mod komdu bil-qiegħda l-parteċipazzjoni sħiħa tal-karnival 2013 f’dak li jirrigwarda kumpaniji taż-żfin u karrijiet.
It-Tlieta filgħaxija l-Karnival jiġi fi tmiemu bl-esebizzjoni grandjuża li ssir fi Triq Sant’Anna li tibda fis-sitta ta’ filgħaxija.
Din is-sena se jkun hemm sound armat apposta tul Triq ir-Repubblika matul il-perjodu tal-Karnival fejn se tindaqq mużika relatata mal-Karnival kif ukoll jiġu mxandra avviżi relatati mal-Karnival.
It-Tim Organizzattiv jappella biex fil-jiem tal-Karnival speċjalment is-Sibt filgħaxija l-ispettaturi b’mod spontanju jilbsu kostumi karnivaleski u huma mħeġġa biex jieħdu sehem fl-allegrija karnivaleska li hi mħeġġa biex tirrenja matul dawn il-jiem. Għal dawk li jixtiequ jixtru biljetti tas-seats tal-arena tal-Karnival huma mitluba li jidħlu fis-sit elettroniku www.ticketline.com.mt. Aktar tagħrif dwar il-Karnival ta’ Malta jinkiseb minn fuq is-sit elettroniku www.maltaculture.com jew minn fuq il- paġna tal-Facebook Carnival - National Event in Valletta, Floriana Malta.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en