AKTAR MINN 5,400 SIĠRA MĦAWLA F’GĦAWDEX FL-AĦĦAR 3 SNIN
Fl-aħħar tliet snin f’Għawdex tħawlu aktar minn 5,400 siġra, madwar 244,000 pjanti u xitel, u kważi 31,000 arbuxell. Dawn tħawlu f’diversi siti madwar Għawdex kollu fosthom fi Mġarr Grove, fi Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, u fl-inħawi fejn jinsabu għaddejjin proġetti ta’ afforestazzjoni bħala parti mill-proġett SIMBIOTIC – f’Ta’ Lambert fil-limiti tax-Xewkija, l-inħawi magħrufa bħala t-Taksis fil-limiti tal-Qala, żewġ meded ta’ art fil-farm tal-Gvern, u fuq l-għolja ta’ Għammar.
Din l-informazzjoni ngħatat f’messaġġ tal-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, waqt attività li saret dalgħodu fl-Iskola Primarja taż-Żebbuġ fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, fejn ġie mfakkar il-Jum Dinji tas-Siġar. Il-programm beda b’taħwil tas-siġar taċ-ċitru, taż-żebbuġ u tal-palm, u ta’ siġar endemiċi fil-ġonna tal-iskola mill-istudenti, u ssokta b’kant u qari ta’ proża u poeżiji dwar l-ambjent. Rappreżentanti ta’ kull klassi mill-ewwel sena sas-sitt sena tal-iskola primarja ngħataw pakkett bi żrieragħ ta’ siġar endemiċi.
Din hija t-tmien sena li l-Kulleġġ ta’ Għawdex qed jiċċelebra Jum is-Siġar li minbarra l-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex, EkoSkola u s-Sezzjoni tal-Hands-on Farming, din is-sena, qed tiġi wkoll appoġġjata mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ u tliet kumpaniji privati. Is-siġar li ġew imħawla matul dawn is-snin huma sinjal tal-impenn tal-poplu Għawdxi fis-sehem tiegħu fil-ħarsien u t-tkabbir tas-siġar mal-kumplament tad-dinja. Dawn qed ikomplu jsebbħu l-gżira ta’ Għawdex filwaqt li jgħinu biex jitħares l-ambjent u s-saħħa tat-tfal u l-familji. Dan jikkumplimenta wkoll ma’ ekoGħawdex bil-għan li Għawdex isir aħjar.
Minbarra t-taħwil ta’ dawn is-siġar, il-Ministeru għal Għawdex qed jirrijabilita l-inħawi tal-Qortin ta’ Isopu fin-Nadur, sit fejn kien hemm barriera li ma kinitx tintuża, u li se tilqa’ fiha madwar 9,000 siġra f’dak li ser ikun spazju ieħor għat-tgawdija tal-familji f’Għawdex.
Għal din l-attività kienu preżenti wkoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ is-Sur Nicky Saliba u l-Kummissarju tat-Tfal is-Sinjura Helen D’Amato.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en