Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU WAQT L-INAWGURAZZJONI TA' JOB BRIDGE, PEMBROKE - IT-TNEJN 28 TA' JANNAR 2013

pr0126
Date Icon 28/01/2013

Sur Chairman, Onorevoli Ministri, Mistiedna distinti, Sinjuri,

Huwa ta' pjaċir u ta' sodisfazzjon kbir għalija li f'inqas minn ġimgħa qiegħed ninawgura proġett ieħor għall-persuni b'diżabbiltà mibni fuq il-prinċipju tal-inklużjoni. Nemmnu bis-sħiħ li kull persuna għandha d-dritt li tipparteċipa fis-soċjetà u nemmnu wisq aktar li s-soċjetà trid tilqa’ fi ħdanha kull persuna.

L-inawgurazzjoni tal-lum mhux biss tixhed dan l-impenn, imma hi ħolqa oħra f'katina sħiħa ta' proġetti u inizjattivi favur l-inklużjoni.  Job Bridge jixhed l-impenn tal-Gvern permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ lejn l-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol.

Tul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern poġġa l-inklużjoni fil-qalba tal-politika tiegħu.  L-inklużjoni mhux biss fix-xogħol imma fis-soċjetà kollha.  Il-Gvern jemmen li jrid ikun ta' spalla għall-familji ta’ persuni b'diżabbiltà.  Nemmnu li rridu noffru s-sapport, l-appoġġ u l-għajnuna kollha tagħna permezz ta' inizjattivi u programmi sabiex tul il-kors tal-ħajja tagħhom, persuni b'diżabbiltà jkunu parteċipi fis-soċjetà tagħna.

Hekk għamilna u hekk se nkomplu nagħmlu. B'sodisfazzjoni nista’ ngħid li llum aktar minn qatt qabel qegħdin noffru għajnuna diretta u personali tul l-istadji differenti tal-ħajja.  Qegħdin nakkumpanjaw lil persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom tul ħajjithom.

Minn età żgħira, is-sistema edukattiva ta' pajjiżna qiegħda toffri s-sapport kif ukoll programmi ta’ tagħlim personalizzat għal numru dejjem jikber ta' tfal b'diżabbiltà.  Nedejna s-servizz ta' Early Intervention għat-tfal ta' anqas minn ħames snin u tul l-2012 dan is-servizz ingħata lil aktar minn 690 tifel u tifla.  Hekk kif it-tfal jibdew jikbru, jibbenefikaw mis-servizz tal-Learning Support Assistants.  Fl-iskejjel tal-Gvern illum għandna 2,821 tifel u tifla li għandhom Learning Support Assistant magħhom.  Il-Gvern iħallas ukoll għall-LSAs li għandhom 900 tifel u tifla fl-iskola tal-Knisja u 120 oħra fl-iskejjel privati.  Fl-istess ħin ġew impjegati aktar minn 80 professjonist sabiex jaħdmu mat-tfal fl-iskejjel tagħna.  Investejna fit-teknoloġija assistiva u llum studenti b'diżabbiltà jistgħu jitgħallmu permezz ta' software speċjalizzat.  

Minn Marzu tal-2010 ġiet fis-seħħ ir-riforma tal-iskejjel speċjali li issa nbidlu f'ċentri ta' riżorsi edukattivi.  L-għan hu li dawn iċ-ċentri jipprovdu programmi adattati skont l-età tal-istudenti b'diżabbiltà.  Gvern immexxi minni huwa kommess li jibni żewġ ċentri oħra f'Raħal Ġdid u fil-Ħamrun.  Permezz tas-sistema tal-Kulleġġi, Malta hi fost l-aqwa pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fl-inklużjoni tat-tfal fl-iskejjel mainstream.  F'pajjiżna, 0.3% biss tat-tfal bi bżonnijiet speċjali jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fi skejjel barra mill-mainstream.  Il-medja tal-Unjoni Ewropea hi ta' 2.3%.  

F'dawn l-aħħar ħames snin, żgħażagħ b'diżabbiltà għandhom iktar opportunitajiet li jkomplu l-istudji post-sekondarji tagħhom.  Qed tingħata għajnuna individwali biex jattendu korsijiet fi skejjel u istituzzjonijiet post sekondarji.  L-MCAST, permezz tal-programm Pathways, toffri korsijiet għal żgħażagħ b'diżabbiltà u ħtiġiet speċjali.  Minn żewġ studenti fl-2004, illum għandna aktar minn 25 student.

Sinjuri,

Ix-xogħol jagħti d-dinjità lil kull persuna u kull persuna għandha d-dritt li tipparteċipa fid-dinja tax-xogħol.  Nemmnu wkoll li x-xogħol joffri l-aqwa opportunità ta' inklużjoni soċjali u l-investiment tagħna f'Job Bridge huwa pass ieħor f'din id-direzzjoni.

Hawn ukoll, il-Gvern nieda numru ta' skemi u programmi sabiex aktar persuni b'diżabbiltà jersqu lejn id-dinja tax-xogħol.  Permezz tal-programm ME2, 430 persuna b'diżabbiltà ngħataw esperjenza ta' xogħol b'numru minnhom kellhom esperjenza barra minn Malta.  Minn dan il-programm nibtet koperattiva li se tkun qed toffri numru ta' servizzi.  Permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC sabet impjieg lil 52 persuna b'diżabbiltà bil-Gvern iħallas nofs is-salarju u l-bolla.  Permezz tal-programm Bridging the Gap, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ sabet placement lil 37 persuna b'diżabbiltà.  Ġiet imnedija skema fejn madwar 80 persuna b'diżabbiltà se jkunu impjegati mal-Kunsilli Lokali.  Din l-iskema se tkun qed tiġi estiża għal 150 persuna oħra, b'50 minnhom f'Għawdex.

Il-Job Bridge huwa għalhekk ħolqa oħra f'din il-katina ta' inizjattivi sabiex aktar persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jiġu mħarrġa sabiex isibu impjieg.  Dawn huma kollha provi ta' kemm il-Gvern jemmen fil-potenzjal u l-kapaċitajiet tal-persuni b'diżabbiltà. Għamilna ħafna. Ma jfissirx li għamilna kollox.  Hemm aktar u aktar li rridu nagħmlu.

Sinjuri,

Nifhmu wkoll li l-Gvern għandu d-dmir u l-obbligu li jagħti l-għajnuna u l-appoġġ tiegħu lill-persuni b'diżabbiltà fil-komunitajiet.  Il-ġimgħa li għaddiet kelli l-privileġġ li ninawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Aġenzija Sapport li qed tagħti kontribut importanti ferm fit-twettiq tal-viżjoni tagħna għall-persuni b'diżabbiltà. Permezz tas-servizzi tagħha, l-Aġenzija tilħaq aktar minn 788 persuna kull ġimgħa bi 370 ħaddiem.  Dan jinkludi wkoll is-servizzi ta' matul il-jum li qed jingħataw minn 9 ċentri mifruxin madwar Malta. 

Nifhmu wkoll li numru ta' persuni b'diżabbiltà jkollhom bżonn ukoll servizz residenzjali.  Hawn ukoll il-Gvern qiegħed joffri l-appoġġ tiegħu.  Permezz ta’ għajnuna diretta u indiretta lil numru ta' għaqdiet volontarji, il-Gvern qiegħed joffri aktar minn 160 post residenzjali f'31 dar fil-komunità bi pjanijiet ta' dar f'Għawdex.  Dawn irridu nżiduhom.

Sinjuri,

Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti fil-persuni d'diżabbiltà u fil-familji tagħna. Minkejja l-isfidi, qegħdin noffru l-appoġġ tagħna f'kull stadju tal-ħajja bl-għan aħħari tkun l-inklużjoni soċjali. Job Bridge jixhed dan l-impenn tagħna lejn l-inklużjoni permezz tax-xogħol.

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow