DISKORS MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-UFFIĊINI L-ĠODDA TAL-AĠENZIJA SAPPORT, SANTA VENERA - IT-TLIETA 22 TA' JANNAR 2013
Onorevoli Ministru
Kap Eżekuttiv
Mistiedna distinti
Sinjuri
Huwa b'sens kbir ta' sodisfazzjon u kburija nazzjonali li qiegħed hawn magħkom illum biex flimkien mhux biss niftħu dawn l-uffiċini l-ġodda imma biex niktbu kapitolu ieħor fl-istorja tal-Aġenzija Sapport.
Bħala Malti, kburi bil-valuri li l-pajjiż u l-poplu jħaddan, fosthom ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, is-solidarjetà u l-għożża. Valuri li fuqhom hi msejsa l-Aġenzija Sapport.
Bħala politiku, kburi li nara b'mod tanġibbli kif il-politika tista’ tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Bħala Prim Ministru, kburi li dalgħodu qed inkomplu nwettqu l-politika u l-viżjoni sabiex kull wieħed u waħda jkun jista’ jipparteċipa fil-ħajja tal-komunità mingħajr xkiel ta' xejn.
Meta kont għadni ministru responsabbli mill-politika soċjali, ħdimna fuq viżjoni mġedda ta’ fejn ridna mmorru. Il-pajjiż kien diġà għamel ħafna fil-qasam tal-persuni b’diżabbiltà, speċjalment bl-għajnuna tal-Knisja, imma ridna nagħmlu pass ieħor fil-mixja li l-pajjiż kien qabad. Fl-2001 ħassejna l-bżonn li nagħmlu pass ieħor - pass fejn inpoġġu l-persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom fiċ-ċentru tal-komunità.
Għalhekk twaqqfet l-Aġenzija Sapport sabiex tassigura l-mezzi, l-opportunitajiet u s-servizzi lill-persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw b'mod sħiħ fil-komunità.
Ippermettuli nenfasizza l-kelma dritt. Għall-Gvern immexxi minni din mhix kelma f'diskors imma hi fuq kollox il-bażi tat-twemmin tagħna. Twemmin li kulħadd għandu dritt jipparteċipa fil-ħajja tal-komunità u twemmin li s-soċjetà trid tara l-abbiltà ta' kulħadd anke fid-diżabbiltà. Ma rridux li l-persuna b'diżabbiltà tinbidel għas-soċjetà imma hemm bżonn li s-soċjetà tinbidel u tirrispondi għall-bżonnijiet tal-persuna b'diżabbiltà. Imsejsa fuq dan it-twemmin, il-politika tal-Gvern hi li naħdmu b'ħilitna kollha sabiex il-persuni b'diżabbiltà jgħixu bla xkiel fil-komunità - mal-familji tagħhom u kemm jista’ jkun jgħixu ħajja indipendenti.
B'dan il-għan, kif smajna mit-testimonjanzi tas-Sur Bugeja u tas-Sur Zahra, l-Aġenzija toffri servizzi ta' sapport fil-komunità li jinkludu assistenza personali, interventi soċjali, servizzi ta' riżorsi u servizzi ta' ħidma soċjali.
Smajna mingħand is-Sur Bugeja u s-Sur Zahra kif l-Aġenzija Sapport irnexxielha tittrasforma l-ħajja tal-persuni b'diżabbiltà u l-familji tagħhom. Qabel, il-persuna u l-familja kienu jfendu u jagħmlu kollox kważi waħedhom. Illum dawn il-familji għandhom servizz personalizzat b'persuni mħarrġa li jżuruhom regolarment biex jgħinuhom.
Permezz tas-servizzi tagħha, l-Aġenzija tilħaq aktar minn 788 persuna kull ġimgħa b’370 ħaddiem. Dan jinkludi wkoll is-servizzi ta' matul il-jum li qed jingħataw minn 9 ċentri mifruxin madwar Malta.
Madanakollu, nirrikonoxxu wkoll il-fatt li jkun hemm ċirkustanzi fejn ma jkunx possibbli li persuna b'diżabbiltà tibqa’ tgħix fid-dar tagħha. Qalbna toħroġ mal-ġenituri u mal-familjari f'dawn iċ-ċirkostanzi. Għalhekk il-Gvern qiegħed ukoll jinvesti fis-servizzi residenzjali u sa mit-twaqqif tal-Aġenzija Sapport ftaħna sitt idjar residenzjali u s-seba’ waħda f'Birżebbuġa mistennija tilqa’ fiha l-ewwel tfal fil-ġimgħat li ġejjin. Iva, din id-dar se tkun qed tindirizza l-bżonnijiet partikolari ta' minuri b'diżabbiltà u se tkun qed toffri wkoll servizzi terapewtiċi fil-komunità. Barra minn hekk il-Gvern jgħin b’mod qawwi lill-għaqdiet non governattivi li jaħdmu mal-persuni b’diżabbiltà.
Il-politika tal-Gvern hi li kemm jista’ jkun il-persuni b'diżabbiltà, anke jekk ikunu qed jibbenefikaw minn servizz residenzjali, jgħixu f'komunitajiet żgħar u mhux f'istituzzjonijiet kbar. Il-Gvern kommess li permezz ta' din il-politika tingħata aktar attenzjoni individwali kif ukoll jiżdiedu l-opportunitajiet ta' integrazzjoni tal-persuni b'diżabbiltà fil-ħajja tal-komunità.
Il-Gvern kommess li jkompli jsaħħaħ dan is-settur u jgħin lill-familji ta' persuni b'diżabbiltà. Il-Gvern se jiftaħ residenza għall-persuni b'diżabbiltà bi sħab ma' għaqdiet volontarji f’Għawdex. Se nnaqqsu mit-taxxa għal persuni b'diżabbiltà li jħallsu miżati għal residenza fi djar jew ċentri ta' respite.
Sinjuri
Dawn is-servizzi li tipprovdi l-Aġenzija ma jiġux ipprovduti f'iżolament. Huma ħolqa waħda biss f'katina sħiħa ta' inizjattivi li qed jittieħdu mill-Gvern kollu favur il-persuni b'diżabbiltà.
Ibda mill-edukazzjoni fejn investejna u rriformajna tant. Ħdimna u investejna għall-edukazzjoni għal kulħadd. Fis-sistema tal-Kulleġġi tfal b'diżabbiltà jattendu ma’ tfal oħra u nedejna riforma fiċ-ċentri ta' riżorsi. Qed ninvestu f'edukazzjoni individwali permezz ta' professjonisti kif ukoll permezz ta' apparat u teknoloġija moderna. Huwa għalhekk ta' sodisfazzjon għalina lkoll li l-Kummissjoni Ewropea tpoġġi lil-Malta fuq quddiem nett fl-inklużjoni ta' studenti li għandhom bżonnijiet speċjali fl-iskejjel. Fl-iskejjel tal-Gvern illum għandna 2,821 tifel u tifla li għandhom Learning Support Assistant magħhom. Il-Gvern iħallas ukoll għall-LSAs li għandhom 900 tifel u tifla fl-iskola tal-Knisja u 120 oħra fl-iskejjel privati. Irridu li wliedna jirnexxu lkoll.
Id f'id mal-edukazzjoni jorbot ix-xogħol. Nedejna skemi u inizjattivi sabiex aktar persuni b'diżabbiltà jitħarrġu u jsibu xogħol. L-iskemi kienu suċċess u għalhekk il-Gvern din is-sena jrid li jestendi l-iskema ta’ xogħol għal persuni b'diżabbiltà mal-kunsilli lokali għal għaqdiet volontarji u entitajiet governattivi oħra sabiex noħolqu 150 impjieg ieħor għal persuni b'diżabbiltà fil-komunità, 50 minnhom f'Għawdex.
Sinjuri
Għall-Gvern, l-iżvilupp ta' pajjiżna ma jitkejjilx biss bl-iżvilupp ekonomiku. L-għan aħħari tal-politika jibqa’ li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u li jpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha.
Nemmnu fil-valur tal-persuna, fl-iżvilupp sħiħ tal-persuna fejn jilħaq il-potenzjal u l-milja tiegħu. Nemmnu fl-abilitajiet ta' kulħadd u l-investiment fl-Aġenzija Sapport huwa xhieda ta' dan.
Qed jirnexxielkom bil-ħidma u bid-dedikazzjoni tagħkom tbiddlu l-ħajja tal-persuni b'diżabbiltà u tal-familji tagħhom. Illum qed naraw tfal u persuni b'diżabbiltà, imorru fil-kulleġġi tagħna ma’ tfal oħra, imorru l-Università, imorru għax-xogħol u jgħixu ħajja indipendenti. Għandkom l-ammirazzjoni tiegħi u tal-Gvern immexxi minni. Tagħmluna kburin b'ħidmietkom.
Filwaqt li nirringrazzja lill-Aġenzija Sapport u lill-ħaddiema kollha tagħha tax-xogħol u d-dedikazzjoni tagħhom, nawguralkom aktar ħidma minn dawn l-uffiċini l-ġodda favur is-soċjetà Maltija fis-snin li ġejjin.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en