AKTAR GĦAQDIET JINGĦATAW PROPRJETAJIET TAL-GVERN SABIEX IKOMPLU JAGĦQDU BL-AĦJAR MOD IL-FUNZJONIJIET TAGĦHOM
Nisa li jbatu mill-marda tal-kanċer se jingħataw post fiss fejn jiltaqgħu
"Il-Gvern huwa kommess li jkompli jgħaddi proprjetajiet lill-diversi għaqdiet u assoċjazzjonijiet, li l-għan aħħari tagħhom huwa li jagħmlu ġid lill-komunità". Kliem il-Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur Jason Azzopardi waqt ċerimonja qasira li saret kmieni dalgħodu, fejn fiha ġiet trasferita proprjetà tal-Gvern lill-Breast Care Support Group Europa Donna Malta. Il-binja li tinsab fiċ-ċentru tal-Furjana se tkun qed tingħata bħala encroachment għal ħlas ta’ €100 Ewro fis-sena.
Dan il-grupp li ilu mwaqqaf għal 23 sena jħaddan fih ’l fuq minn 80 membru. Is-Sinjura Gertrude Abela, President ta’ dan il-grupp spjegat li l-għan tal-grupp hu li jingħata sapport permezz ta’ diversi laqgħat u sessjonijiet, lil dawk in-nisa kollha li jkunu għaddejjin mit-trawma kerha tal-marda tal-kanċer fis-sider. Is-Sinjura Abela stqarret kif qabel, dan il-grupp ma kellux post fiss fejn jiltaqa’ u minħabba f’hekk kien jorganizza l-laqgħat tiegħu darba fix-xahar biss; iżda issa, tenniet li permezz ta’ din il-proprjetà, il-grupp se jkollu post iddedikat għalih u b’hekk ikun jista’ jorganizza aktar laqgħat u attivitajiet fih.
Il-Ministru Azzopardi qal li huwa fl-interess ta’ dawn l-għaqdiet li l-Gvern ikompli jalloka aktar proprjetajiet u artijiet għal ġid komuni tas-soċjetà. Huwa qal li l-binja li tinsab fiċ-ċentru tal-Furjana se tkun aktar aċċessibbli għal membri tagħha sabiex dawn b’mod regolari jiltaqgħu f’post kwiet fejn ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jagħtu s-sapport tagħhom lil xulxin. Qal li l-Gvern dejjem ta l-importanza u l-prijorità lil dawn l-għaqdiet, sabiex ikompli jgħinhom jiffunzjonaw bl-aħjar mezzi. Spjega li fl-aħħar ħames snin il-Gvern għadda 25 il-devoluzzjoni lill-Kunsilli Lokali, kif ukoll 212–il proprjetà lil diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet.
Il-grupp jifforma parti mill-Koalizzjoni ta’ Europa Donna, li l-għan tiegħu huwa fost l-oħrajn li joħloq aktar għarfien fl-edukazzjoni dwar il-marda tal-kanċer tas-sider kif ukoll jipprovdi informazzjoni dwar kura u trattament li teżisti għal din il-marda. Is-servizzi offruti mill-Breast Care Support Unit huma kollha bla ħlas kemm għall-membri kif ukoll għal pubbliku in ġenerali. Is-Sinjura Abela fil-messaġġ tagħħa għamlet kurraġġ lil dawk in-nisa kollha li għaddejjin isofru minn din il-marda sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jirrikorru għall-għajnuna ta’ dan il-grupp.
Fl-aħħar nett il-Ministru Azzopardi rringrazzja lil dan il-grupp li tant qed jagħmel ġid fost dawk in-nisa li qed jiġġieldu din il-marda. Ħeġġeġ u nkoraġġixxi lil dawn in-nisa sabiex jissieħbu fi ħdan il-grupp, biex b’hekk ma jħossuhomx waħedhom u jkunu jistgħu jingħataw l-għajnuna kollha li jkollhom bżonn minn nisa oħra, li jkunu għaddew minn din il-marda u li llum qed jerġgħu jgħixu ħajja normali.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en