968 ŻGĦAŻUGĦ/A TEMMEW L-APPRENTISTAT B’SUĊĊESS FL-AĦĦAR 5 SNIN
Imqassma ċertifikati lil 202 apprentisti li temmew l-apprentistat tagħhom f’28 qasam ta’ xogħol differenti
F’dawn l-aħħar snin il-Gvern investa fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (l-ETC) u kif wkoll fl-Istituti Vokazzjonali, ħadem magħhom u mal-employers biex aktar żgħażagħ jitħarrġu fl-apprentistat. Fil-fatt fl-aħħar 5 snin total ta` 968 żagħżugħ u żagħżugħa temmew l-apprentistat b`suċċess u akkwistaw il-Journeyman’s Certificate filwaqt li 75% tagħhom sabu impjieg mill-ewwel u l-maġġoranza tal-25% l-oħra għażlu li jkomplu jistudjaw u jitħarrġu.
Dan ħabbru l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta il-bieraħ fil-għaxija qassam iċ-ċertifikati li 202 student li temmew il-kors tal-apprentistat tagħhom f’28 qasam ta’ xogħol differenti.
Puli tenna li l-apprentistat huwa fuq nett tal-aġenda tal-EU u kontinwament tenfasizza li trid iżżid ir-rata ta` parteċipazzjoni fl-apprentistat u li dan ikun aċċessibli għal iktar żgħażagħ għax temmen li l-apprentistat hu ċ-ċavetta biex wieħed jakkwista l-ħiliet neċessarji u jżid il-prospetti ta` mpjiegi. Malta dan tikuraġġieh u għalhekk sar investiment kbir fil-bini u l-faċilitajiet fl-MCAST u fl-ITS li huma immirati wkoll sabiex it-taħriġ vokazzjonali jkun aċċessibli għal aktar żgħażagħ li jfisser ukoll li aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw fi skemi ta` apprentistat.
Huwa spjega kif it-taħriġ vokazzjonali u apprentistat imorru id f`id u għaldaqstant il-Gvern jemmen li aktar programmi ta` taħriġ għandhom ikunu offruti taħt skemi ta` apprentistat.
Huwa saħaq li huwa importanti li jibqa’ l-koordinament kontinwu bejn l-Istituzzjonijiet Vokazzjonali u l-ETC u dan peress li s-suċċess tal-apprentisti jiddependi wkoll mill-għaqda u l-ftehim tajjeb bejn dawn it-tnejn. Importanti li l-employers jkomplu jkunu involuti f`dawn id-diskussjonijiet għax huma biss li jistgħu jgħarfu x’ħiliet hemm bżonn fl-industrija.
L-Onor Puli awgura lill-apprentisti li kisbu dan iċ-ċertifikat u ħeġġiġhom biex minkejja li kisbu dawn il-ħiliet xorta jibgħu jitħarrġu fl-opportunitajiet ta’ taħriġ offruti mill-Gvern permezz tal-istituzzjonijiet tiegħu.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en