MALTA GĦANDHA T-TIENI L-ANQAS RATI TA’ INĊIDENZA TA’ KANĊER FL-EWROPA
F’konferenza stampa li saret fiċ-ċentru tal-Breast Screening illum, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita` Dott. Joseph Cassar, saħaq li f’din il-leġislatura, il-Gvern ħadem bis-sħiħ fuq il-ġlieda kontra l-kanċer. Huwa preżenta l-istatistika li f’Malta għandna t-tieni l-anqas rati ta’ inċidenza ta’ kanċer fl-Ewropa. Cassar spjega li dan ukoll grazzi għall-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer b’għanijiet prinċipali li titnaqqas l-inċidenza, jittawwal l-għajxien wara d-dijanjosi u tkun żgurata l-aqwa kwalita` ta’ ħajja possibli għall-pazjent. Il-Ministru Cassar rrefera għad-diversi inizjattivi u servizzi li ġew introdotti u mġedda f’dawn l-aħħar snin, relatati mal-marda tal-kanċer.
B’referenza għas-servizzi ta’ screening, Dott. Nadine Delicata, ppreżentat statistika li hija xhieda tax-xogħol li sar f’dan is-settur . Hija spjegat li 161 mara ġiet identifikati li għandha l-kanċer fis-sider, fi tlett snin li ilu għaddej l-programm ta’ screening tas-sider li għalih attendew 70% tan-nisa li ġew mistiedna. Dott. Delicata uriet li s-servizz ta’ screening tal-musrana beda juri riżultati nkurraġġanti ħafna, għaliex 32% ta’ dawk li ġew mistiedna aċċettaw is-servizz tal-iscreening. Hi spjegat li dan huwa pesentaġġ tajjeb ħafna, għax f’xi pajjiżi fejn dan is-servizz ilu li ġie mwaqqaf, il-pesetaġġ ta’ nies li jaċċettaw din l-istedina hija fil-medja ta’ 30%. Din l-istatistika hija ċertifikat tal-kwalita` tas-servizzi tal-iscreening li l-gvern qed jinvesti f’pajjiżna.
Dr Neville Calleja, Direttur tal-Informazzjoni u r-Riċerka dwar is–Saħħa, rrefera għall-fatt li Malta għandha t-tieni l-anqas rati ta inċidenza ta’ kanċer fl-Ewropa, kif ukoll t-tieni l-inqas rata ta’ inċidenza ta’ kanċer tal-pulmun fl-Ewropa. Dott Callejja spjega li għalkemm f’Malta hawn prevelenza għolja ta ażżma, ma teżisti l-ebda evidenza li tassoċja, b’mod dirett, din il-prevalenza tal-ażżma mal-power stations f’pajjiżna. Dott Calleja wera li fix-xlokk ta’ Malta l- prevalenza tal-ażżma hija fil-fatt inqas ( Rġiel 5.7%, Nisa 7%) mill-prevalenza fir-reġjuni l-oħra ta’ Malta u Għawdex (Medja: Rġiel 6.8%, Nisa 8.1%).
Dr Martin Balzan, konsulent mediku fil-mard respiratorju, spejga li r-riżultati ta’ studji ta’ ricerka li saru minn esperti f’Malta, u studju ewlieni, Respira, li għadu għaddej, jindikaw li l-livell ta’ traffiku f’diversi lokalitajiet f’pajjiżna huwa relatat mal-inċidenza u prevalenza ta’ mard respiratorju.
B’referenza għar-relazzjoni bejn it-traffiku u il-mard respiratorju, Dr Nicholas Refalo, Konsulent Speċjalist fl-onkoloġija, saħaq li l-Gvern għandu jkompli jiffoka fuq it-triq li qabad, u jibqa sejjer bl-inizzjattivi kontra it-titjip u t-tniġġis mit-traffiku. Dr Refalo spejga li huma fuq dawn iż-żewġ fatturi, it-titjip u t-traffiku, li hemm evidenza ċara li turi relazzjoni mal-mard, u mhux power stations tan-natura li llum għandu pajjiżna, u huwa għalhekk li l-politiċi u l-Gvern għandhom jkomplu fuq ix-xogħol biex jitnaqqas it-tipjip u t-traffiku.
Dr Charmaine Gauci, Direttur tal-Edukazzjoni u Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, spjegat il-mhedda ta’ inizzjattivi u miżuri li l-Gvern ħa f’dawn l-aħħar snin kontra t-titjip. Hija semmiet fost l-oħrajn is-smoking cessation class li għalihom irrikorrew 579 pazjent, u l-liġislazzjonijiet ġodda li ġew ppubblikatai li jipprojbixxu t-titpjij f’postijiet pubbliċi, inkluż ġo playgrounds tat-tfal.
Il-Ministru Cassar ikkonkluda li ma tistax tatribwixxi każ jew fattur wieħed għal kwalunkwe tip ta’ marda, u l-mira tal-Gvern għandha tibqa’ fuq il-prevenzjoni u kura paljattiva f’kwalunkwe stadju tal-marda. Enfasizza l-bżonn sabiex kulħadd jittratta dan is-suġġet bis-sensitivita` mistħoqqa u b’rispett sħiħ lejn il-pazjenti li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet kbar.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en