STQARRIJA TAL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT U L-MINISTERU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA U L-KONSUMATUR
Dott Muscat jgħid li jrid iwaqqaf unit għan-negozji li ilha mwaqqfa aktar minn sena
Il-unit li Dott Muscat dalgħodu qal li jrid iwaqqaf li tiġbor is-servizzi kollha taħt saqaf wieħed għan-negozji, ilha li twaqqfet aktar minn sena. F’sena diġà saru aktar minn 10,500 kuntatt bejn sidien ta’ negozji jew persuni li jridu jiftħu negozju u l-Business First. L-uffiċċju ta’ Business First jinsab fi G’Mangia.
Business First jiġbor fih aktar minn 50 servizz differenti taħt saqaf wieħed li qabel kienu jinsabu mifruxa f’postijiet differenti. B’hekk issaħħet l-effiċjenza u tnaqqset b’mod qawwi l-burokrazija. Business First wassal għal ħolqien ta’ aktar negozji ġodda u opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għall-ħaddiema f’setturi differenti tal-ekonomija.
Diversi servizzi li qabel kienu jingħataw biss minn dipartimenti fejn persuna kien ikollha tmur fiżikament f’uffiċċju, illum dawn is-servizzi qed jingħataw online u għalhekk dan qed jissarraf f’aktar effiċenza, flessibilita’ u anqas ġiri għal min hu fin-negozju. Illum aktar minn 100 servizz differenti jingħataw online.
Kif kien stabbilit fin-National Reform Programme 2008, il-Gvern beda wkoll eżercizzju biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għal min qiegħed fin-negozju bi 15% sal-2012. Din il-mira intlaħqet u sa issa diġà tnaqqset b’16%. Il-Gvern hu impenjat li jkompli jieħu aktar inizjattivi f’din id-direzzjoni. Sa issa fost l-oħrajn tneħħew avviżi legali li kienu jpoġġu diversi obbligi fuq min hu fin-negozju, mhix qed tintalab informazzjoni fejn din ma tkunx meħtieġa u qed tintalab l-anqas informazzjoni possibbli.
Saret ukoll il-liġi dwar l-Intraprizi ż-Żgħar li għandha l-għan li ttejjeb dejjem aktar l-ambjent li fih jopera n-negozji f’Malta. Dan l-Att dwar l-Intrapriżi ż-Żgħar jgħin biex is-sidien ta’ negozji żgħar u medji jaħdmu f’ambjent ekonomiku aħjar biex iżidu d-dħul għalihom u joħolqu aktar impjiegi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en