DISKORS TAL-ONOR. GIOVANNA DEBONO, MINISTRU GĦAL GĦAWDEX, FL-OKKAŻJONI TAL-INAWGURAZZJONI UFFIĊJALI TAL-BIĊĊERIJA TA’ GĦAWDEX MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU
Onor Prim Ministru,
Kollegi,
Sinjuri
Huwa tassew bi pjaċir li għal darba oħra qegħdin niltaqgħu biex ninawguraw proġett ieħor li ġie implimentat mill-Gvern f’Għawdex.
Għalhekk nixtieq nirringrazzja lilek Onor. Prim Ministru, talli ingħaqadt magħna biex tinawgura dan il-proġett ġdid.
Grazzi wkoll lilkom hawn preżenti li lqajtu l-istedina tagħna għal din l-okkażjoni.
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li nintroduċi dan il-proġett li nista’ niddeskrivieh bħala ħolqa oħra f’kullana ta’ proġetti li wettaqna f’din il-leġiżlatura.
Proġetti li messew ma’ kull settur soċjo-ekonomiku u allura għamlu differenza f’kull aspett tal-ħajja f’Għawdex.
Normalment wieħed jassoċja proġett ta’ din in-natura mal-qasam agrikolu, partikolarment dak marbut mat-trobbija tal-annimali.
Ħafna minnkom ir-raħħala u bejjiegħa tal-laħam li tużaw is-servizzi minn din il-faċilità, tistgħu tapprezzaw aktar il-qabża fil-kwalità ta’ dawn is-servizzi u l-faċilitajiet li bdew jiġu offruti permezz ta’ dan il-proġett.
Minkejja li nżamm l-istess sit wieħed japprezza li l-bini l-qadim li għad fadal sarulu xogħlijiet estensivi filwaqt li nbnew estensjonijiet ġodda biex jakkomodaw l-apparat modern li nxtara.
Illum din il-biċċerija hija attrezzata biex taqdi d-diversi eżiġenzi ta’ dan is-settur f’Għawdex, f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess tal-preparazzjoni tal-laħam tal-majjal u ċ-ċanga.
Però l-faċilitajiet f’din il-biċċerija ġdida jippermettu wkoll li eventwalment jiżdiedu proċeduri oħrajn skont il-ħtieġa tar-raħħala u l-bejjiegħa tal-laħam.
U allura wieħed jista’ japprezza li l-ippjanar li sar fir-rigward ta’ dan il-proġett ma kienx wieħed immirat biss għall-ħtiġijiet tal-preżent, iżda ħaseb ukoll għal titjib ulterjuri fis-servizzi li jingħataw lill-klijenti attwali u dawk prospettivi.
Dan kollu kien jinħtieġ ippjanar, kordinazzjoni u koperazzjoni bejn diversi entitajiet li ħadmu flimkien biex setgħu jintlaħqu l-objettivi mixtieqa.
Għalhekk hawnhekk irridu nirrikonoxxu l-impenn ta’ dawk kollha involuti fl-ippjanar u t-twettieq ta’ dan il-proġett.
It-titjib fil-faċilitajiet segwa programm ta’ ħidma skont kif propost minn uffiċjali fid-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fuq pariri ta’ konsulenti u b’kollaborazzjoni u l-approvazzjoni tas-servizzi Veterinarji fi ħdan il-Ministeru tar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Għalhekk nixtieq nirringrazzja lil dawk l-uffiċjali u ħaddiema oħra li taw sehemhom f’kull fażi ta’ ppjanar u implimentazzjoni.
Fost dawn insemmu lill-Ministru George Pullicino, l-uffiċjali kollha fi ħdan il-Ministeru tiegħu li jinkludu wkoll dawk tal-Biċċerija u t-Taqsima tas-Servizzi Veterinarji f’Malta.
Grazzi wkoll lid-Direttur u l-ħaddiema fid-Direttorat tal-Proġetti u Żvilupp fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll kuntratturi, uffiċjali u ħaddiema oħra li kienu wkoll involuti fuq dan il-proġett.
Grazzi lill-uffiċjali u membri tal-Koperattiva ta’ min irabbi l-Majjali (KIM) u tal-Koperattiva tal-Produtturi tal-Ħalib (KPH) għall-ħidma u l-koperazzjoni kontinwa tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-biċċerija.
Grazzi lilkom ir-raħħala u l-bejjiegħa tal-laħam li kkollaborajtu magħna fiż-żmien li kien qed jitwettaq dan il-proġett. Illum nistgħu ngħidu b’wiċċna minn quddiem li għamilna qabża kbira fit-titjib tas-servizzi li nistgħu nipprovdulkom, kemm fil-preżent kif ukoll f’dak li jista’ jiġi miżjud ‘il quddiem.
Hawnhekk nixtieq ukoll infaħħar il-kuraġġ u l-fiduċja tagħkom ir-raħħala li flimkien ma’ bdiewa oħra Għawdxin pparteċipajtu fid-diversi skemi tal-Gvern.
Skemi li permezz tagħhom komplejtu tinvestu fl-irziezet u l-għelieqi tagħkom. Dan wassal biex sar investiment ta’ miljuni ta’ ewro li kompla jsaħħaħ il-qasam agrikolu f’Għawdex, qasam li għandu relevanza ekonomika qawwija għal din il-gżira.
Mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali biss il-bdiewa u r-raħħala Għawdxin ibbenefikaw minn għajnuniet li jlaħqu madwar €5.5 miljun. Dan ifisser li l-investiment totali marbut ma’ dan il-programm biss kien ilaħħaq madwar €11-il miljun.
Waħda mill-inizjattivi li ħadna wkoll f’dawn l-aħħar snin kienet l-amalgamazzjoni tas-servizzi tal-Paying Agency f’Għawdex ma’ servizzi oħra li jingħataw mill-Farm tal-Gvern, li jinsab ftit il-bogħod minn hawn.
Din iċ-ċentralizzazzjoni qed tissarraf ukoll f’aktar tisħiħ fis-servizzi li qed tingħataw intom ir-raħħala flimkien mal-bdiewa Għawdxin, f’Għawdex stess.
Ta’ min isemmi li dawn is-servizzi ser jiżdiedu konsiderevolment bit-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent li ser jitwaqqaf b’kollaborazzjoni mal-Universita’ ta’ Malta.
L-istudji u proċeduri oħra li ser ikunu jistgħu jsiru f’dan iċ-ċentru huma maħsuba li jkunu ta’ benefiċċju partikolari fit-tkabbir ta’ prodotti agrikoli u trobbija ta’ annimali tal-irziezet, fost affarijiet oħra.
Il-proġett li qed ninawguraw sewa wkoll biex ġew ikkreati impjiegi ġodda f’Għawdex. Barraminhekk ġew ingaġġati numru ta’ ħaddiema oħra li qed joffru s-servizzi tagħhom kemm fil-biċċerija ta’ Għawdex kif ukoll f’dik f’Malta, skont kif ikun jesiġi x-xogħol.
Sinjuri, nisgħu ngħidu li dan kollu huwa r-riżultat tal-investiment ta’ madwar €2.2miljun.
Iżda wieħed ma jridx jinsa li dan l-investiment qed iservi wkoll biex illum din il-biċċerija qed tipprovdi faċilitajiet li jirrispettaw l-istandards stabiliti mill-Unjoni Ewropea, fejn il-proċess tal-preparazzjoni tal-karkassi jsegwi proċeduri iġeniċi li jiggarantixxu kwalità u sigurtà fil-prodott provdut lill-konsumatur. Fuq kollox joffri wkoll sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema li jaħdmu f’din il-biċċerija.
Għalhekk nistgħu ngħidu li dan kien ukoll investiment li jippermetti li l-operat ta’ din il-biċċerija jkun kompatibbli u jirrispetta normi stabiliti tul il-katina sħiħa tal-prodott, mir-razzett sa meta jidħol fil-kċina.
B’hekk, l-investiment li sar ser ikun ta’ benefiċċju mhux biss għal settur wieħed partikolari iżda ser ikun qed itejjeb ukoll setturi oħra.
Għalhekk dan il-proġett ser ikun qed jingħaqad mad-diversi proġetti oħra, li twettqu matul dawn il-ħames snin, li illum nistgħu nħarsu lejhom b’sodisfazzjon, għaliex tassew nemmnu li qegħdin u ser ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi.
Grazzi
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en