Left arrow Go Back

ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA TIRRIFLETTI R-RESPONSABBILTÀ FIT-TMEXXIJA FINANZJARJA TA’ PAJJIŻNA

PR0040
Date Icon 11/01/2013

Il-Gvern jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li f’Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew indikat li l-Gvern Malti ħa azzjoni effettiva biex isaħħaħ il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż u b’hekk jikkorreġi s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tinnota li l-Baġit 2012 kien fih għodda biex jitnaqqas id-defiċit b’mod sostenibbli. Dan wassal biex il-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda l-għeluq tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv fil-konfront ta’ Malta.

Il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment Tonio Fenech esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni, li barra li tirrikonoxxi l-ħidma tal-Gvern fit-tisħiħ tal-finanzi ta’ pajjiżna, tibgħat sinjal qawwi ta’ stabbiltà f’pajjiżna. “Din l-istabbiltà hija essenzjali biex pajjiżna jibqa’ attraenti għall-investitur, barrani u lokali, biex b’hekk jibqa’ jinħoloq aktar xogħol ta’ kwalità produttiv.”

Huwa spjega li “din id-deċiżjoni hija frott ta’ xhur ta’ ħidma responsabbli fejn il-Gvern fittex bilanċ, bejn il-ħtieġa li jixpruna l-ekonomija Maltija – permezz ta’ inċentivi għall-investiment u l-ħolqien tax-xogħol, li jgħin lill-familji Maltin –  b’inċentivi bħat-tnaqqis tal-income tax għall-ġenituri li jaħdmu u l-allowance għall-anzjani, iżda wkoll li jsaħħaħ il-konsolidazzjoni fiskali. Dan l-aħħar oġġettiv qed jintlaħaq mhux bl-impożizzjoni ta’ miżuri awsterità li kienu kostretti jimplimentaw Stati Membri Ewropej oħra, jew bit-tnaqqis tan-nefqa f’oqsma bħall-qasam soċjali jew l-edukazzjoni, iżda billi titnaqqas in-nefqa operazzjonali u amministrattiva tal-Gvern u l-entitajiet tiegħu.”

Kuntrarju għall-impressjoni li setgħet ingħatat f’xi artikli fl-istampa llum, il-Gvern mhux se jikkunsidra ebda redundancies minn mal-Gvern, iżda qed isaħħaħ il-politika tiegħu mħabbra fid-Diskors tal-Baġit 2011 li jimpjega persuna waħda għal kull tnejn li jispiċċaw.

Filwaqt li jsostni l-importanza ta’ din l-aħbar, il-Ministru Fenech wissa’ li din is-sena se tkun waħda diffiċli hekk kif il-qagħda ekonomika u finanzjarja internazzjonali ħadet xejra għall-agħar bejn l-aħħar tal-2011 u l-bidu tal-2012. Għaldqstant, huwa spjega li “il-pajjiż għandu jkompli jaħdem biex jipproteġi l-istabbiltà finanzjarja u ekonomika tiegħu, li huma fatturi kruċjali biex nibqgħu nilqgħu għall-isfidi kbar li hemm quddiemna”.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow