DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-BIĊĊERIJA FIR-RABAT, GĦAWDEX - IS-SIBT, 12 TA' JANNAR 2013
Onorevoli Ministri,
Raħħala u Bdiewa,
Sinjuri,
Huwa ta' sodisfazzjon li qiegħed hawn magħkom illejla biex ninawguraw dan il-proġett importanti fil-gżira ta' Għawdex.
Is-sinifikat ta' dan l-investiment ta’ aktar minn €2 miljun imur lil hinn mill-użu primarju tiegħu bħala biċċerija.
Għall-Gvern immexxi minni, dan huwa investiment ukoll fil-konsumaturi tagħna daqs kemm huwa investiment fikom, ir-raħħala Għawdxin.
Illum qed naraw pass ieħor fit-tisħiħ tas-sigurtà u l-kwalità tal-ikel ġewwa pajjiżna.
L-apparat modern li ġie installat, qiegħed jippermetti li l-proċess tal-preparazzjoni tal-laħam għall-bejgħ joffri garanzija ta' kwalità u sigurtà lill-konsumatur Għawdxi. Mibni skond l-ogħla standards Ewropej, dan il-proġett ikompli jixhed l-impenn tal-Gvern favur il-prodott Malti u jikkumplimenta inizjattivi oħra li ħadna.
Kemm jekk huwa laħam jew ħalib jew ħaxix jew inbid, il-Gvern huwa kommess li l-prodott Malti jkun sinonimu ma’ kwalità, tjubija u ġenwinità.
Għamilna passi kbar f'dawn l-aħħr snin u s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea kienet katalist importanti mhux biss biex nilħqu l-istandards għolja imma wisq aktar għax permezz tal-fondi Ewropej stajna ninvestu f'dan is-settur.
Ibda mis-serer ġodda li ġew mibnija sal-irziezet b'teknoloġija moderna li għandna f'pajjiżna, sa inċentivi oħra għall-ħażna tal-ilma u skemi għal xiri ta' apparat agrikolu ġdid. Dan kollu sar bis-saħħa tal-viżjoni tal-Gvern kif ukoll bis-saħħa tal-fondi mill-Unjoni Ewropea kif ukoll b’fondi nazzjonali.
F'dawn l-aħħar ħames snin, il-bdiewa u r-raħħala se jkunu bbenefikaw minn €100 miljun f'għajnuna finanzjarja biex jinvestu aktar, iżidu l-produzzjoni u b'hekk itejbu d-dħul tagħhom. Sa issa diġà tqassmu €85 miljun lill-8,500 benefiċjarju.
F'Għawdex, ir-raħħala u l-bdiewa għamlu investiment ta' aktar minn €12-il miljun f'dawn l-aħħar ħames snin. Grazzi tal-ħidma tagħkom.
Il-Gvern jammira l-impenn u l-isforzi tagħkom li komplejtu ssaħħu l-intrapriżi tagħkom. B'dan l-investiment urejtu wkoll il-ħila u l-għaqal tagħkom biex stajtu tibqgħu tkunu kompetittivi filwaqt li komplejtu tilħqu l-istandards meħtieġa.
Għalhekk il-Gvern kompla jinvesti fis-settur mhux biss permezz ta' fondi imma wkoll permezz ta' inizjattivi favur il-bidwi u r-raħħal. Fost l-oħrajn ingħatat ukoll għajnuna lir-raħħala minħabba ż-żieda fil-prezz internazzjonali tal-ġwież.
Għenna wkoll lill-bdiewa u r-raħħala full time li minn Jannar tas-sena 2011 bdew jibbenefikaw minn tnaqqis ta' 3% fuq ir-rata ta' kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. F'Diċembru li għadda, il-Gvern ukoll għadda liġi fil-parlament fejn il-bdiewa u r-raħħala qed jingħataw iċ-ċans li jagħtu l-artijiet tagħhom bi qbiela lil qrabat tagħhom. Estendejna dan id-dritt għax fhimna l-bżonnijiet tagħkom.
Waqqafna wkoll is-suq tal-bdiewa li issa wkoll beda jopera ġewwa Għawdex. Dan hu ta' vantaġġ kemm għall-bdiewa li issa jbiegħu huma direttament kif ukoll għall-konsumatur li qed jibbenefika minn prodott lokali frisk u ta' kwalità.
Il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jgħin lis-settur agrikolu kollu u jkompli jsaħħaħ il-katina sħiħa tal-prodott lokali mill-għelieqi jew l-irziezet tagħkom sakemm jasal fid-djar tagħna lkoll.
Sinjuri,
L-investiment li sar f'dan il-proġett huwa ħolqa oħra f'katina sħiħa ta' inizjattivi li ħadna u li qed nieħdu ġewwa l-gżira Għawdxija. Qed ninvestu f'kull settur sabiex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Għawdxin. Investejna bis-sħiħ tul din il-leġislatura fl-edukazzjoni, fis-saħħa, fl-ambjent, fit-toroq u fir-restawr tal-wirt storiku u proġetti oħra li se jkomplu jsebbħu lil Għawdex.
Dawn l-inizjattivi u proġetti huma kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-viżjoni eko-Għawdex.
Il-kunċett ta' eko-Għawdex mhux biss marbut mal-ħarsien tal-ambjent imma jolqot b'mod ħolistiku l-kwalità tal-ħajja ta' dawk li jgħixu u jaħdmu f'Għawdex. Ħafna mit-80 miżura li qed jiġu implimentati taħt il-programm eko-Għawdex, jolqtu mill-viċin is-settur agrikolu li tant għandu rilevanza partikulari għal Għawdex. Dan is-settur minbarra li jibqa’ settur ekonomiku importanti, għandu wkoll effett pożittiv fuq iż-żamma tal-ambjent rurali ta' din il-gżira. Għalhekk investiment li jsir f'dan is-settur huwa wkoll investiment fil-wirt naturali tal-gżira.
Sinjuri,
Dan il-proġett huwa pass ieħor fit-tisħiħ mhux biss tas-settur agrikolu ġewwa Għawdex imma wkoll fil-kwalità tal-ħajja tal-konsumatur.
L-investiment li sar jixhed l-impenn tal-Gvern lejn Għawdex u lejn il-bdiewa u r-raħħala.
Grazzi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en