STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI - Xejn ġdid minn Dott Muscat. Inizjattivi fl-enerġija alternattiva li diga qed jitwettqu jgħid li se jagħmilhom hu
L-erba’ proposti suppost ġodda li tkellem dwarhom illum Dott. Muscat m’huma xejn għajr proposti li diġa twettqu, jew li diġa tħabbru minn dan il-Gvern. Dott Muscat huwa mehdi fil-gimmicks u għalhekk ma jiddejjaq xejn jippreżenta bħala ġdid dak li ġa qed jitwettaq.
Dan stqarru l-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali, George Pullicino waqt konferenza tal-aħbarijiet f’dar f’Pembroke li bbenefikat mill-iskemi tal-Gvern għal xiri ta’ apparat li jiġġenera l-enerġija mix-xemx.
George Pullicino qal li l-Gvern ilu għaddej bi skemi li jinċentivaw ix-xiri ta’ apparat li jiġġenera l-enerġija mix-xemx tant li sa’ llum, ‘il fuq minn 14,500 familja ngħataw għajnuna finanzjarja biex għamlu PV’s, solar water heater jew double glazing, filwaqt li kien hemm mal-270 sid ta’ negozju jew fabbrika li wkoll ibbenefikaw minn għajnuniet biex jinvestu f’enerġija alternattiva.
George Pullicino fakkar kif il-Gvern diġa introduċa l-kunċett ta’ solar farm meta ħareġ sejha pubblika sabiex jimla 67,000m2 ta’ soqfa ta’ binjiet pubbliċi bil-panelli fotovoltaici u beda l-proċess biex 40,000 metru kwadru oħra ta’ soqfa ta’ bini pubbliku jinksew b’panelli fotovoltajiċi. Pullicino tenna li bħala parti mir-riabilitazzjoni tal-miżbla l-magħluqa tal-Qortin il-Gvern qed jaħdem biex jinstalla sistema ta’ panelli fotovoltajiċi fuq medda ta’ 6,000 metru kwadru ta’ art u qed jippjana biex parti mill-miżbla l-magħluqa tal-Magħtab ukoll tinkesa b’panelli fototvoltajiċi.
Il-Gvern diga ħabbar li qed jiffinalizza wkoll skema li permezz tagħha familji li ma jistgħux iwaħħlu pannelli fotovoltajiċi fuq il-bejt tagħhom, jinvestu f’sistema lil hinn mir-residenza tagħhom. Dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-enerġija nadifa ġenerata skont l-investiment li jagħmlu f’din is-sistema komuni. Dott Muscat sabha komda li proposta li diġa tħabbret, jgħid li qed joħroġ biha hu!
Fir-rigward tal-proposta kkupjata ta’ Muscat dwar l-energy audits, il-Ministru Pullicino fakkar kif dawn diġa bdew isiru f’Ghawdex biex il-familji jingħataw pariri kif jiffrankaw. Hu qal li kien dan il-Gvern li qassam ukoll mal-miljun bozza energy saving fid-djar lil 130,000 familja skond id-daqs tal-familja, mizura li l-Oppożizzjoni kienet irredikolat.
Il-Ministru Pullicino semma kif skema li nċentivat lil-familji biex jibdlu appliances qodma ma’ appliances energy efficient waslet biex inxtraw 45,000 appliance ġdida. Hu fakkar kif fil-Budget għas-sena 2013, il-Gvern ħabbar li se jestendi l-iskemi li jinċentivaw lin-nies jinvestu f’Solar Water Heaters, roof insulation u double glazing. Flimkien ma’ dawn, il-Gvern qed jaħdem biex jikseb fondi ewropej biex aktar familji jgawdu minn skema li tinċentivahom jinvestu f’sistema ta’ panelli fotovoltajiċi. George Pullicino qal li l-proposta ta’ Muscat li jqassam water saving kit ukoll hija kkuppjata għaliex il-Gvern diġa bdieha f’Għawdex. Għalhekk il-Ministru Pullicino qal li Dott Muscat m’għandux pjan għall-enerġija, imma mehdi biss fil-gimmicks.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en