IKOMPLU JIŻDIEDU L-OPERAZZJONIJIET FL-ISPTAR MATER DEI
Is-sena li għaddiet saru 12,000 operazzjoni aktar mill-aħħar sena sħiħa tal-Isptar San Luqa
Matul is-sena li għaddiet saru total ta 45,492 operazzjoni fl-Isptar Mater Dei. Dan ifisser żieda ta’ 1,745 operazzjoni fuq is-sena ta’ qabel u żieda ta’ aktar minn 12,000 operazzjoni fuq l-aħħar sena sħiħa tal-Isptar San Luqa.
Dan ħabbru l-Ministru Joe Cassar waqt żjara li għamel fin-National Blood Transfusion Service, jew kif inhu magħruf aħjar il-Bank Nazzjonali tad-Demm.
Il-Ministru Cassar qal li is-sena li għaddiet kien ġie maħsub li kien diffiċli li in-numru ta’ operazzjonijiet ikompli jiżdied wara n-numru rekord ta’ operazzjonijiet li kienu saru fl-2011. Iżda bis-saħħa ta’ ħidma kollettiva mill-professjonisti u t-tmexxija tal-Isptar Mater Dei fil-fatt l-operazzjonijiet komplew jiżdiedu. Hu rringrazzja lil kull min kien involut għax iż-żieda fin-numru ta’ operazzjonijiet tissarraf b’mod dirett f’aktar nies li jkunu qed jgħixu livell ta’ ħajja aħjar.
In-numru ta operazzjonijiet skont is-sena
Filwaqt li dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-operazzjonijiet li jsiru b’xejn fl-isptarijiet privati, il-Ministru Cassar fakkar li bis-saħħa ta ftehim differenti ma’ entitajiet privati, aktar nies qed jiġu operati f’ħin iqsar. Hu rringrazzja wkoll lid-donaturi kollha tad-demm, minħabba l-fatt li qabel ma’ tibda kull operazzjoni, il-kirurgu jrid ikollu assigurazzjoni li, f’każ ta’ bżonn, hemm id-demm għad-diżpozzjoni tat-tim mediku.
Dr Alex Aquilina, li jmexxi in-National Blood Transfusion Centre rringrazzja lid-donaturi kollha li juru fiduċja fiċ-ċentru kif ukoll lill dawk kollha li jaħdmu u b’xi mod jikkontribwixxu biex in-numru ta’ donaturi jkompli jiżdied.
Hu qal li il-bżonn tad-demm kompla jiżdied mhux biss għall-ammont ta’ operazzjoniet li qed isiru imma anke minħabba t-titjib fil-kura, partikolarment għall-kanċer, li seħħet f’pajjiżna. Hu qal li filwaqt li qabel, pazjent bil-kanċer, sfortunatament kien imut fi ftit xhur, illum il-kura li hawn tfisser li hawn aktar nies li qed jibqgħu ħajjin. Din il-kura iżda ġġib magħha talba għal aktar demm, li jrid jiġi mid-donaturi.
Filwaqt li fakkar li jekk ma jkunx hemm biżżejjed demm ikollohom jitħassru numru ta’ operazzjonijiet, Dr Aquilina rringrazzja lill-mezzi tax-xandir kollha tal-għajnuna kontinwa li jagħtu liċ-ċentru matul is-sena.
Il-Ministru Cassar iltaqħa wkoll ma persuni li kienu qed jagħtu d-demm fil-ċentru u qal li d-donaturi huma l-eroj moderni u li kulħadd għandu jsegwi l-eżempju li qed jagħtu. Fil-fatt fiċ-ċentru kien hemm tlett donaturi. Waqt li persuna kienet qed tagħti d-demm għall-ewwel darba, persuna oħra qalet li ilha tagħti d-demm għal-diversi snin, wara li membru fil-famija kellha bżonn id-demm minħabba kanċer.
Donatur ieħor kien qiegħed jagħti donazzjoni ta’ platelets, liema donazzjoni tintuża ħafna waqt trattament għall-kanċer. Minħabba li l-platelets ma jistgħux jinżammu għal żmien twil, id-donaturi tal-platelets ikunu qed jistennew telefonata miċ-ċentru sabiex jagħmlu id-donazzjoni meta jkun hemm bżonn. Dan ġieli fisser bżonn ta’ donazzjoni f’ħin qasir.

Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en