Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, WAQT IL-PASSING OUT PARADE, TAL-KORP TAL-PULIZIJA, ĠEWWA DIK LI KIENET L-ISKOLA UMBERTO CALOSSO, SANTA VENERA - IL-ĠIMGĦA, 4 TA’ JANNAR 2013

pr0014
Date Icon 04/01/2013

Ebda stat demokratiku ma jista’ jiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini tiegħu jekk ma jkollux forza tal-ordni soda, preparata, dixxiplinata u kapaċi tiġġieled kontra dawk li lil din l-ordni jippruvaw itappnuha.  Il-liġijiet huma importantissimi, però huwa l-Korp tal-Pulizija li jrid jara li l-ordni, il-paċi pubblika u l-istabbiltà soċjali tinżamm bl-infurzar tal-liġi.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li nkun preżenti fil-jum li fih qed tibdew l-karriera tagħkom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Din hija ġurnata li ser tibdlilkom ħajjitkom għax mil-lum il-poplu Malti qed jixħet fuqkom piż u obbligu biex tħarsuh kontra kull min iridlu l-ħsara f’xi forma jew oħra. Biex taqdu dan id-dmir qed jagħtikom għodod b’saħħithom u setgħat li anqas il-President jew jien, bħala Prim Ministru, m’għandi s-setgħa li neżerċita.

M’għandi l-ebda dubju li fl-istudji tagħkom matul dan il-kors li għaddejtu minnu tgħallimtu ħafna u għalhekk tinsabu ppreparati għal dak li ser tiltaqgħu miegħu fit-twettieq ta’ dmirijietkom bħala membri tal-Korp tal-Pulizija. L-ewwel xhur tagħkom fis-servizz ser ikunu determinanti għalikom biex tibdew twettqu dak li tgħallimtu fl-akkademja. Iżda jkun żball jekk taħsbu li tgħallimtu kollox.  F’kull soċjetà ssib delinkwenti li ma jirrispettawx ir-regolamenti u jiksruhom għall-gwadann tagħhom. F’xogħolkom tridu dejjem tkunu pass quddiem id-delinkwent, mhux warajh. Għalhekk huwa kruċjali li intom tistinkaw biex tkomplu tkabbru l-għarfien tagħkom tal-liġi u tkomplu tiffamiljarizzaw ruħkom mal-għodod li l-istat poġġa għad-dispożizzjoni tagħkom fil-ġlieda kontra l-kriminal.  Dan huwa essenzjali u jkompli jagħtikom il-formazzjoni u l-preparazzjoni meħtieġa biex twettqu l-mandat tagħkom fl-interess tas-soċjetà u skont l-aspettattivi leġittimi tagħha. Huwa f’dan l-isfond ukoll li se tibqgħu tirċievu taħriġ formali b’mod regolari mill-Akkademja matul il-karriera tagħkom fil-Korp. Iżda tridu tmorru pass oltre minn hekk. L-isforz biex intom ittejbu lilkom infuskom bħala membri tal-Korp għandu jkun parti mill-istil ta’ ħajja li tħaddnu u ma jieqaf qatt.  Illum il-Korp joffri prospetti ta’ progress fil-karriera li snin ilu kienu biss aspirazzjoni, iżda li issa saru realtà.  Għandkom tkunu minn ta’ quddiem biex tgħarfu dawn l-opportunitajiet u taħdmu biex fil-futur mhux imbiegħed tkunu f’pożizzjoni li tieħdu vantaġġ minnhom għall-benefiċċju tagħkom personali kif ukoll tal-Korp.

Il-maġġoranza kbira tal-pubbliku Malti għandha fiduċja fil-Pulizija u intom għandkom id-dmir li din il-fiduċja żżommuha għolja.  Inħeġġiġkom biex tistinkaw sabiex tagħtu l-kontribut tagħkom biex din il-fiduċja tkompli tikber.  Il-Gvern ma qagħadx lura biex isaħħaħ idejn il-Pulizija fil-ġlieda tagħha biex tipproteġi liċ-ċittadin u tiġġieled il-kriminalità, u dan bid-diversi emendi li saru fil-Kodiċi Kriminali.  Dan, abbinat mal-isforzi tal-membri tal-Korp wasslu biex fl-aħħar sitt snin ikun hemm tnaqqis fir-rata tal-kriminalità f’Malta u Għawdex. Intom għandkom id-dmir li din, fejn hu possibbli, tkompli tonqos. 

Fl-aħħar mill-aħħar, il-karriera ta’ Pulizija fiha wkoll ħafna sodisfazzjon.  Sodisfazzjon li intom ser tkunu t-tarka taċ-ċittadin biex tiżguraw li aħna lkoll inkunu nistgħu ngħixu f’komunità iktar sigura fejn iċ-ċittadini, anzjani, adulti, żgħażagħ u tfal ikunu jistgħu jgħixu b’iktar serħan tal-moħħ. 

Irrid nuri l-apprezzament tiegħi wkoll lejn il-familji tagħkom, li mingħajr is-sostenn tagħhom żgur li ma kontux taslu sa hawn.  Importanti li dan is-sostenn jibqa’ matul il-karriera tagħkom fil-Korp, minkejja r-riskji u l-ħin twil u s-sagrifiċċju li din iġġib magħha.  B’hekk ikun ħafna aktar possibbli biex il-karriera tagħkom tissarraf f’suċċess b’riżq akbar għal komunità in ġenerali.

Il-ħidma tagħkom hi waħda delikata. Titlob impenn qawwi. Intom, tkunu ta’ għajnuna u appoġġ f’sitwazzjonijiet delikati fejn in-nies ikunu għaddejjin minn mumenti jew trawmi diffiċli ħafna. Għalhekk kulma tagħmlu jkollu impatt fuq in-nies li tkunu f’kuntatt magħhom, fuq ħajjithom u fuq ħajjet dawk li jiddependu minnhom u qrabathom, partikularment il-minuri.

Permezz tax-xogħol tagħkom, il-protezzjoni li tagħtu liċ-ċittadin, u l-ħarsien tal-ordni pubbliku toffru s-serħan il-moħħ li l-poplu Malti jgawdi llum, dak is-serħan il-moħħ li huwa tant kruċjali biex poplu jgawdi u jgħix kwalità ta’ ħajja tajba u kif jixraqlu.

Aħna, min-naħa tagħna, nibqgħu determinati li nkomplu nsaħħu idejn il-Korp fil-ġlieda kontinwa kontra l-kriminalità b’investiment qawwi kemm f’apparat bħalma huma l-laboratorju tad-DNA, il-vetturi moderni li llum naraw fit-toroq, l-apparat tal-fingerprints; f’infrastrutura bħall-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja li x-xogħol fuqha issa mexa ġmielu, kif ukoll f’tisħiħ tar-riżorsi umani.

Is-sena li għaddiet daħħalna fis-seħħ, pakkett ta’ titjib finanzjarju għall-membri tal-Korp tal-Pulizija. Għall-ewwel darba daħħalna wkoll Police Force Allowance. Mad-dħul tagħkom fil-Korp, intom ukoll ser tkunu qed tgawdu minn dawn il-kundizzjonijiet ta’ rimunerazzjoni aħjar.

Għal darb’oħra nifirħilkom għall-ġurament li ħadtu llum u nawguralkom karriera twila u ta’ suċċess fil-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow