IL-GYM TA’ QALI HEALTH AND FITNESS CENTRE JAKKWISTAW DEFIBRILLATOR, APPARAT LI JISTA’ JSALVA ĦAJJA TA’ BNIEDEM
Kmieni wara nofsinhar, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità Joe Cassar żar il-Gym Ta’ Qali Health and Fitness Centre li għadhom kemm akkwistaw Defibrillator, apparat li jista’ jsalva ħajja ta’ bniedem f’każ ta’ emerġenza.
Il-Ministru Cassar spjega kif f’din il-leġiżlatura, parti kbira mill-ħidma tal-Gvern kienet dwar il-prevenzjoni tal-mard u dan it-tip ta’ apparat jista’ jgħin biex jiġu evitati inċidenti akbar. Qal dan waqt il-preżentazzjoni tad-defibrillator ġewwa l-Gym Ta’ Qali Health and Fitness Centre li jista’ jintuża bħala mezz tal-ewwel għajnuna. Hu saħaq ukoll dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna. L-Onor. Cassar kompla jgħid li hu importanti li post bħal gym, li ikun miftuħ erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, ikun attrezzat tajjeb f’każi ta’ emerġenza.
Joe Cassar spjega li kull persuna huwa f’riskju li jiġrilu xi ħaġa, anke l-isportivi u l-atleti li jkunu fiżikament b’saħħitom. Kompla billi spjega li dan l-apparat jintuża bħala trattament meta l-qalb tibda tħabbat b’mod irregolari u tieqaf tippompja d-demm fil-bqija tal-ġisem. Il-qalb, għal raġunijiet differenti tista’ żżid jew tnaqqas il-pass tagħha u dan jista’ jwassal għal dannu kbir għall-bniedem u saħansitra mewt. Meta persuna jkun f’din il-kundizzjoni, magħrufa wkoll bħala cardiac arrest, mingħajr Defibrillator, iċ-ċans li wieħed isalva jonqos b’14 fil-mija għal kull minuta li tgħaddi. Ir-riċerka f’dan il-qasam sabet li l-użu tad-defibrillator toffri l-aħjar possibiltà biex persuna ssalva.
Hu kompla billi saħaq dwar l-importanza li nies differenti jkunu mħarrġa sew kif jintuża dan l-apparat u għalaq id-diskors tiegħu billi inkoraġġixxa istituzzjonijiet oħra, speċjalment fejn ikun hemm numru kbir ta’ nies, li jkunu attrezzati wkoll b’dan l-apparat essenzjali.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en