Left arrow Go Back

MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-ONOR. LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU

pr2811
Date Icon 24/12/2012

Ħuti Maltin u Għawdxin


Il-festi tal-Milied u tal-ewwel tas-sena jġibu magħhom l-opportunita’ li nagħtu ħarsa lejn is-sena li tkun qed tintemm, waqt li nħarsu wkoll lejn is-sena l-ġdida.

Il-kliem ftit għandu saħħa jekk ma jkunx rifless f’għemil.  U kull għemil irid ikun ibbażat fuq dak li nemmnu, fuq dak li hu l-aħjar għall-poplu u għal pajjiżna.  Kull għemil irid ikun mibni fuq l-għażliet it-tajba li jħallu l-frott.  Għażliet li jsaħħu s-solidarjeta’, il-ġid komuni u jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tiegħek, ta’ uliedek, ta’ qrabatek u l-għeżież tiegħek.

Is-sena elfejn u tnax kienet żmien ieħor li fih rajna lil pajjiżna jilqa’ għall-kriżi ekonomika internazzjonali.  L-aħbarijiet internazzjonali joffrulna l-ħin kollu r-riġa li biha nistgħu nkejlu r-realta' taghna u dak li għaddej madwarna.

Din kienet sena oħra fejn kellna nagħmlu diversi għażliet biex pajjiżna jkun jista’ jkompli joħloq ix-xogħol għaż-żgħażagħ li jkunu temmew l-istudji tagħhom, għall-ħaddiema li jkunu jixtiequ jbiddlu l-post tax-xogħol tagħhom, għall-ommijiet li jagħżlu li jidħlu lura f’impieg u għall-anzjani li jixtiequ jibqgħu jaħdmu.  Fl-istess waqt saħħaħna u żidna l-opportunitajiet ta’ taħriġ biex min irid jidħol f’impjieg jakkwista ħiliet ġodda biex ikun jista’ jaħdem. 

L-impjiegi naħdmu għalihom kuljum.  Għażla waħda żbaljata tista’ tipperikola l-kisbiet li saru u titfa’ lill-ħaddiema fl-inkwiet.  Din hi esperjenza li sfortunatament qed iġarrbu ħaddiema f’pajjiżi oħra fejn qed jaraw il-qgħad jiżdied.  F’pajjiżna għamilna l-għażliet bil-għaqal biex jiżdiedu l-impjiegi.  Dan għamilnih flimkien u bil-kontribut tal-ħafna – is-settur privat, kumpaniji, is-sidien tan-negozji żgħar u medji, is-sidien tal-fabbriki, lukandiera u sidien ta’ restaurants u operaturi oħra fil-qasam turistiku, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-unions.  Bil-kapaċita’ u l-ħila tagħkom il-ħaddiema, il-Gvern setgħa jiġbed aktar investiment privat lejn pajjiżna biex jinħolqu aktar impjiegi. 

Bħalma Gvern il-ħin kollu jagħmel l-għażliet, intom ukoll fil-ħajja tagħkom tagħmlu l-għażliet tagħkom, dwar l-edukazzjoni, l-istil ta’ ħajja li tgħixu, dwar saħħitkom.

Kull ġenitur ifittex li jagħmel l-aħjar għażliet għal uliedu.  Bl-għażliet li jsiru fl-edukazzjoni tkunu qed issawwru l-ġejjieni ta’ uliedkom.  Dan hu privileġġ, daqskemm hi responsabbilita’ kbira.  Il-Gvern jaqsam din ir-responsabbilita’ magħkom, billi jagħżel kif l-aħjar jiġu investiti r-riżorsi finanzjarji ta’ pajjiżna.  Bid-deċiżjonijiet li nieħdu llum fit-tmexxija tal-pajjiż, inkunu qed nifirxu t-triq għal dak it-tifel li illum qiegħed f’childcare centre, iżda ftit snin oħra se jkun qiegħed jagħżel liema suġġetti se jkompli jistudja meta jkun fis-sekondarja; jew għal dik it-tifla li llum qegħda fl-iskola sekondarja u ħames snin oħra se tkun qed isegwi kors l-MCAST, l-ITS jew l-Universita’ u tkun fuq l-għatba tal-ewwel impjieg tagħha.  Insellem lill-edukaturi tagħna, li f’idejhom nafdaw l-aqwa teżor li għandna – uliedna.  Nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom.

Żmien il-Milied iwassalna biex niffukaw aktar fuq is-solidarjeta’.  L-akbar prova ta’ kemm pajjiż hu solidali, tingħata bis-servizzi tas-saħħa.  Għalkemm dejjem jibqa’ xi ttejjeb, min imiss mas-servizzi tas-saħħa ta’ pajjiżna, jaf bil-kwalita’ għolja tas-servizzi ta’ prevenzjoni, eżamijiet u kura li tingħata f’pajjiżna.  Is-servizz tas-saħħa b’xejn f’pajjiżna hi gawhra li ftit huma l-pajjiżi li għandhom bħalha.  Lejl u nhar, il-ħaddiema jagħtu l-għajnuna lil min ikun għaddej minn mumenti ta’ ferħ bħalma huma lill-ġenituri waqt it-twelid tat-tfal, iżda wkoll ikunu ta’ spalla għal min ikun għaddej minn mumenti ta’ qtiegħ il-qalb, li l-mard iġib miegħu.   Il-ħaddiema tal-qasam mediku jixirqilhom il-gratitudni tagħna lkoll.  L-għażla li intom għamiltu dwar il-karriera tagħkom għandha impatt qawwi fuq kull min b’xi mod ikollu kuntatt magħkom.

Izda, il-poplu Malti u Għawdxi, mhux biss fis-saħħa juri solidajreta’.  Meta s-sena li għaddiet il-poplu Libjan kien qiegħed jissielet għad-drittijiet tiegħu, għamilna għażliet dwar kif se ngħinu lill-poplu Libjan kontra r-reġim li kien imexxi.  Tajna sura konkreta lis-solidarjeta’.  F’Ottubru li għadda f’pajjiżna ltaqa’ s-Summit imsejjaħ 5+5.  Din kienet l-ewwel laqgħa mit-trasformazzjoni storika li saret fejn popli qamu għad-drittijiet tagħhom kontra d-dittaturi ta’ pajjiżhom.  Madwar il-mejda tad-diskussjoni kien hemm ukoll tliet mexxejja eletti demokratikament li ħadu post id-dittaturi.   Kburin li l-poplu Malti għamel l-għażliet it-tajba u tajna kontribut fl-iżvilupp storiku tar-reġjun.

Is-sena d-dieħla, se tkun is-sena Ewropea taċ-Ċittadini.  Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea għażilna li niffukaw fuq din it-tema biex aħna inkunu aktar konxji ta’ dak li jagħmilna ewropej u d-drittijiet u opportunitajiet li din iċ-ċittadinanza ġġib magħha fosthom fl-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ u fl-impjiegi.  Fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern se jkompli jinnegozja dwar il-pakkett finanzjarju għal Malta mill-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin mill-2014 sal-2020.  Negozjati iebsin imma se nirsistu biex isiru l-aħjar għażliet għal Malta.  Fl-2017, Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.  Ħarset l-Ewropa se tkun fuq pajjiżna, fuq id-deċiżjonijiet li nieħdu u kif neħduhom.  Din hi responsabbilita’ kbira li l-Gvern irid iġġor b’għaqal f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Is-sena d-dieħla se tkun is-sena li fiha inti se tkun qed tagħmel l-għażla għall-Gvern li trid li jmexxih l-pajjiż għall-ħames snin li jmiss.  Kull elezzjoni hi avveniment importanti f’demokrazija, fejn int tagħżel u tieħu deċiżjoni għalik, għall-familja tiegħek u għal pajjiż.  Matul dan il-perjodu pajjiżna se jkompli juri l-kredenzjali demokratiċi tiegħu f’dibattitu ħaj dwar l-għażliet għall-ħames snin li ġejjin.  Żmien fejn niddiskutu kif se nibnu fuq il-kisbiet li għamilna u nagħmlu l-għażliet li jsawwru l-futur tiegħek u ta’ pajjiżna.

Minn qalbi nawguralek il-Milied it-tajjeb u sena mimlija risq u hena.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow