MESSAĠĠ GĦALL-MILIED U L-EWWEL TAS-SENA MILL-PRESIDENT TA’ MALTA L-E.T. DOTT GEORGE ABELA
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Insellmilkom. Kif nagħmel ta’ kull sena, u din hija r-raba’ darba, hu l-pjaċir tiegħi nerġa’ nidħol fl-intimita’ ta’ djarkom permezz tat-televiżjoni u r-radju sabiex naqsam magħkom xi ħsibijiet tiegħi fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied u s-sena l-ġdida. Għal ħafna minna, l-aħħar tas-sena huwa żmien li fih nirriflettu dwar is-sena li ntemmet u dwar is-sena li se tibda.
Jekk inħarsu lura lejn l-aħħar tnax-il xahar, insibu li s-sena 2012 kienet mimlija b’avvenimenti li ġibdulna l-attenzjoni, kemm fix-xena lokali u kemm f’dik internazzjonali. Il-qagħda ekonomika Ewropea u globali kompliet tissemma spiss fl-aħbarijiet għaliex il-problemi li kien hemm is-sena ta’ qabel għadhom ‘il bogħod milli jiġu maħlula għalkemm saru sforzi kbar f’dik id-direzzjoni.
Pajjiżna ma jistax jonqos li jħoss l-effetti tat-taqlib ekonomiku li għadu għaddej u l-familji tagħna kellhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-għoli fil-prezzijiet li jista’ jikkawża diffikultajiet fost familji bi dħul baxx. Madankollu, l-ekonomija tagħna baqgħet relativament b’saħħitha u l-qgħad ukoll, imqabbel ma’ għadd ta’ pajjiżi oħra Ewropej, huwa relativament kontenut. Ċerti setturi tal-ekonomija tagħna, bħalma hu s-settur finanzjarju u s-settur turistiku, baqgħu b’saħħithom u wieħed jawgura li jkomplu jissaħħu.
Għas-sena li ġejja, irridu nibqgħu ppreparati biex nilqgħu għal xi żviluppi ekonomiċi li jistgħu jinqalgħu fis-swieq Ewropej u mondjali. Jiena fiduċjuż li, jekk ikun hemm l-għaqda nazzjonali u tkompli toktor is-solidarjeta’ bejn il-membri kollha tas-soċjeta’ tagħna, aħna nkunu kapaċi naffrontaw bl-aħjar mezzi disponibbli dak li jista’ jinqala’. Fil-maltemp ekonomiku li għadu għaddej, irridu nagħtu importanza akbar lis-sens ta’ ġustizzja soċjali li aħna l-Maltin m’aħniex neqsin minnu. Skond il-mezzi tagħna, jeħtieġ li jiġu l-aktar mgħejjuna dawk li l-aktar għandhom bżonn – il-familji f’riskju ta’ faqar, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u dawk li qed ifittxu xogħol xieraq. Jiena nemmen li hu l-livell ta’ ġustizzja soċjali li jagħżel pajjiż minn ieħor fil-prattika. Il-ġustizzja soċjali ma tistax isseħħ jekk ma jkunx hemm tqassim ekwu tal-ġid nazzjonali, jekk ikun hemm disparita’ esaġerata bejn min għandu dħul finanzjarju għoli ħafna u min għandu dħul li ma jippermettilux jgħix ħajja diċenti skond l-aspettazzjonijiet tal-lum.
Aħna xxurtjati li għad għandna maġġoranza kbira ta’ familji b’saħħithom fejn il-membri jwensu ‘l xulxin. L-għożża tal-familja għadha wieħed mill-aktar valuri apprezzati minna l-Maltin. Fejn is-sena 2011 kienet karatterizzata mid-dibattitu dwar id-divorzju, is-sena li għadha kif għaddiet rat dibattitu dwar ir-regolamentazzjoni tal-fekondazzjoni assistita jew IVF u d-diskussjoni ta’ liġi dwar il-protezzjoni tal-fetu. Wieħed jieħu pjaċir jinnota li dan id-dibattitu żvolġa ruħu b’mod matur u miftuħ anki jekk, kif jiġri f’pajjiż demokratiku, kien hemm fehmiet diversi. Nahseb li dan id-dibattitu wera wkoll li, bħala nazzjon, aħna għad għandna għal qalbna mhux biss il-valuri etiċi in ġenerali imma, partikolarment, il-protezzjoni u d-dinjita’ tal-ħajja umana mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Ħuti Maltin u Għawdxin,
Soċjeta’ sana trid tkun mibnija fuq ir-rispett tal-valuri. Soċjeta’ tista’ tevolvi politikament, soċjalment u kulturalment; tista’ tibdel ċerti drawwiet, timxi maż-żminijiet: imma hemm ċerti valuri fundamentali li ma jinbidlux – il-lealta’, l-onesta’, ir-rispett, l-integrita’. Is-soċjeta’ tqis li kull ċittadin denju għandu jirrispetta dawn il-valuri u jirregola l-komportament tiegħu fuqhom kemm fil-ħajja privata u kemm fl-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu. Iżda naħseb li taqblu miegħi li s-soċjeta’ tistenna mingħand ċerti uffiċjali pubbliċi livell speċjali ta’ rispett għal dawn il-valuri. Fost dawn l-uffiċjali pubbliċi hemm il-ġudikanti.
Ċerti avvenimenti li ġraw f’dawn l-aħħar ġranet setgħu tefgħu dell fuq il-ġudikatura u fuq l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Ngħid bla tlaqliq li jiena wkoll kont maħsud u ddispjaċut bl-allegazzjonijiet li smajna imma ċertament ma tliftx il-fiduċja fil-korp ġudizzjarju li l-maġġoranza assoluta tiegħu teżerċita l-funzjoni tagħha b’onesta’ u b’integrita’ eżemplari. Fl-istess ħin, inħossni konfortat mill-fatt li fil-pajjiż għandna sistema effikaċi biex nassiguraw li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi.
Wieħed jista’ jkompli jiddiskuti riformi f’kull qasam tal-ħajja pubblika imma l-ebda riforma ma tista’ tiggarantixxi uffiċjali pubbliċi integri. Din il-garanzija tista’ tiġi biss mill-persuna nnifisa li tikkomporta ruhha skont l-ogħla valuri morali u etiċi li l-pożizzjoni tagħha tkun tesiġi.
Is-sena l-ġdida se ġġib magħha l-elezzjoni ġenerali sabiex intellgħu gvern ġdid għas-snin li ġejjin wara li ġie ddikjarat li l-Parlament se jiġi xolt mis-7 ta’ Jannar. Spiss jingħad li f’pajjiżna d-dibattitu politiku huwa kontinwu u naħseb li m’hemm xejn ħażin f’dan imma elezzjoni fil-qrib tintensifika d-diskussjoni. Demokrazija b’saħħitha teħtieġ dibattitu liberu, miftuħ għal kulħadd, infurmat u ċivili. Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni tiegħu u anki d-dritt li jxerred u jxandar din l-opinjoni sabiex jikkonvinċi lil ħaddieħor permezz tal-mezzi moderni tal-komunikazzjoni. Jiena nibqa fiduċjuż li dan se jsir bl-aħjar mod, f’atmosfera ta’ kortesija u rispett reċiproku bejn il-partijiet kollha u fuq il-bazi ta’ argumenti razzjonali dwar il-kwestjonijiet li jinteressaw il-poplu tagħna mingħajr attakki personali li ma jagħmlux ġieh lil min jirrikorri għalihom. Jiena ċert li kulħadd jista’ jieħu sehem fi djalogu matur mingħajr ma jattakka d-dinjita’ li tixraq lil kull bniedem. Wara kollox l-għaqda fid-diversità hija kruċjali għall-progress tal-poplu tagħna.
L-elezzjonijiet isiru sabiex il-poplu jiddeċiedi lil min jixtieq li jiggverna pajjiżna. Kulħadd għandu l-fehma tiegħu u kull fehma jixirqilha rispett. Dan huwa l-proċess demokratiku li pajjiżna wasal għalih wara sekli sħaħ. L-aktar prinċipju importanti huwa li, ġaladarba gvern ikun elett demokratikament, ikun iggwidat biex jaħdem għall-ġid komuni u għall-akbar ġustizzja soċjali.
Is-sena 2012 kienet is-Sena Ewropea għall-Anzjanita’ Attiva u s-Solidarjeta’ Bejn il-Ġenerazzjonijiet. Saru diversi attivitajiet b’konnessjoni ma’ dan imma dan ma jfissirx li l-għanijiet ta’ din is-sena issa ntlaħqu darba għal dejjem. Ikun tajjeb illi s-soċjeta’ tagħna tagħraf il-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu l-anzjani billi jibqgħu attivi u jagħtu sehmhom fil-komunita’. Jekk iż-żagħżagħ għandhom l-enerġija u l-entużjażmu fil-qasam tal-volontarjat, l-anzjani għandhom l-għerf u l-esperjenza x’jikkontribwixxu. Ikun xieraq li l-anzjani u ż-żagħżagħ ikomplu jiltaqgħu flimkien fi spirtu ta’ solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet u jikkoperaw fil-volontarjat għall-ġid komuni.
Is-solidarjeta’ hija karatteristika importanti u ta’ min igħożża fil-poplu tagħna. Jiena dan narah kuljum fil-ħidma tiegħi b’risq il-benefiċenza. Tassew li l-Maltin huma poplu ġeneruż u li ma jdawwarx wiċċu meta jara l-bżonnijiet ta’ għajru. Għandna ħafna għaqdiet tal-volontarjat li jagħmlu ħafna ġid f’diversi oqsma. Is-suċċess illi jkollna ta’ kull sena meta norganizzaw L-Istrina huwa xhieda ta’ dan. Din is-sena wkoll irnexxilna niġbru somma sabiħa għall-Malta Community Chest Fund u jiena niehu din l-okkażjoni biex nerġa’ nirringrazzja minn qalbi lil kull min ikkontribwixxa b’ħidmitu jew permezz tad-donazzjonijiet biex erġajna rreġistrajna suċċess. Il-ġid li jsir permezz tal-fondi miġbura hu ta’ soddisfazzjon għall-poplu Malti kollu.
Ma jistax jonqos li, f’dan iż-żmien tal-festi, forsi aktar mill-bqija tas-sena, ħsiebna jmur fuq dawk li jinsabu waħedhom, fuq min jinsab fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin, fuq il-morda u persuni bi bżonnijiet speċjali u l-familji tagħhom, fuq dawk li forsi jinsabu bla xogħol jew għandhom xi problema familjari jew jinsabu f’xi diffikulta’ oħra. Jiena nħeġġeġ lil min jista’ biex jagħmel kuraġġ lil min jeħtieġu permezz ta’ kelma tajba jew xi turija ta’ solidarjeta’. Kull att ta’ appoġġ, simpatija u solidarjeta’ lejn il-proxxmu għandu valur kbir u jista’ jimla l-vojt li jħallu s-solitudni jew il-qtigħ ta’ qalb.
B’dan il-ħsieb, jiena, flimkien ma’ marti Margaret, nawgura minn qalbi lil kulħadd Milied hieni flimkien mal-familja u l-ħbieb u nixtieq sena ġdida mimlija hena, risq u ġid lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Il-festi t-tajba lil kulħadd.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en