FTEHIM KOLLETTIV ĠDID GĦALL-AKKADEMIĊI TAL-ISTITUZZJONI GĦAL STUDJI TURISTIĊI
Titjib fis-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol
Il-membri kollha tal-istaff akkademiku tal-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi se jaraw titjib fis-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom permezz ta’ ftehim kollettiv li kien iffirmat illum bejn l-ITS u l-Malta Union of Teachers, fil-preżenza tal-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina.
Dan hu l-ewwel ftehim kollettiv li kien iffirmat mill-Istituzzjoni għall-Istudji Turistiċi minn kemm ilha li ngħatat personalità ġuridika separata aktar kmieni din is-sena. L-ITS issa għandha aktar awtonomija u indipendenza biex topera, sabiex tkun tista’ taħdem b’mod aktar effettiv biex tilħaq l-għanjiet tagħha. Din is-sena l-ITS impjega disa’ lekċerers ġodda.
Permezz ta’ dan il-Ftehim Kollettiv il-lekċeres tal-ITS se jgawdu minn żieda fis-salarju bażiku, żieda fl-allowance għal xogħol amministrattiv li għandu x’jaqsam mat-tagħlim, kif ukoll żieda fir-rata tas-sahra.
Barra minn dan il-lekċerers huma assigurati li ma jidħlux għax-xogħol f’Lulju u Awwissu u li jkollhom 10 t’ijiem fil-Milied u l-Għid li fihom ma jidħlux għax-xogħol, introduzzjoni ta’ core hours li fihom l-akkademiċi għandhom ikunu on campus (10.00-13.00hrs) u introduzzjoni tal-kunċett ta’ roaming break. Darba fil-ġimgħa l-lekċerers jistgħu jiġu mitluba jaħdmu sas-6pm.
F’kelmtejn li għamlet il-Ministru Cristina qalet li l-Ftehim kollettiv qed jintroduċi wkoll diversi miżuri maħsuba biex jgħinu jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja. Issa se jkun possibbli li lekċerer jitolbu lill-Management għal ħinijiet differenti tax-xogħol, biex jilħqu work-life balance aħjar.
Introduzzjoni ukoll tal-possibilità ta’ reklutaġġ ta’ lekċerers fuq ħinijiet differenti tax-xogħol (l-aktar sat-8pm), bl-iskop li jkun hemm bilanċ bejn l-eżiġenzi tal-istituzzjoni u l-flessibilità fuq il-post tax-xogħol li jkun jirrikjedi lekċerer ġdid.
Qed jinħoloq grad akkademiku ġdid ta’ Senior Lekċerer u b’hekk ikun hemm aktar possibilitajiet ta’ avvanz fil-karriera.
Flimkien mal-Ftehim Kollettiv kien iffirmat ukoll Memorandum of Undersanding li jirrigwarda l-Kapijiet tad-Dipartimenti fl-ITS li għad iridu jinħatru għal liema kariga jkunu jistgħu japplikaw lekċerers li jkun ilhom almenu 5 snin fil-kariga.
Il-Ministru Cristina qalet li dawn il-ftehim se joħolqu bilanċ li permezz tiegħu l-akkademiċi se jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol u l-akkademiċi ser ikunu jistgħu ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jimxu ‘l quddiem fil-karriera tagħhom.
L-ITS ukoll se tkun qed tirbaħ għax issa se tkun tista’ tkompli toffri kwalifiki vokazzjonali speċjalizzati fil-livell ta’ Baċellerat, wara li tikseb akkreditament għalihom fuq livell nazzjonali.
Il-Minisru spjegat li fejn mhux diġà l-każ li lekċerer ikollu kwalifika ta’ Masters, il-Ftehim se jagħti inċentiv lill-akkademiċi biex itejbu l-kwalifiki tagħhom sal-livell ta’ Masters filwaqt li dawk il-lekċerers li jaħdmu fil-qasam tal-Food Preparation and Production u Food and Beverage Service – l-ITS qed taħdem mal-Università biex toffrulhom il-possibilità ta’ Masters f’dan il-qasam.
Lekċerers li m’għandhomx esperjenza fl-industrija tat-turiżmu se jkollhom l-opportunità jagħmlu 520 siegħa job shadowing fl-industrija, barra l-ħin tax-xogħol, biex jiksbu esperjenza li tgħinhom fil-karriera tagħhom.
Il-Ministru Cristina saħqet li l-akkademiċi tal-ITS, bħal dawk f’istituzzjonijiet edukattivi għolja oħra, għandhom rwol importanti ħafna li jservu mhux biss bħala għalliema, iżda ukoll bħala role models għall-istudenti u eventwalment gradwati li huma l-workforce tagħna fl-industrija tat-turiżmu li rridu li tkun dejjem aktar kwalifikata u kapaċi li tilqa’ għall-isfidi ta’ dan is-settur.
Fl-aħħarnett il-Ministru rringrazzjat lill-lekċerers kollha, għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom; lill-MUT, talli kienet lesta tagħraf l-impenn tal-ITS u l-viżjoni tagħha għal aktar żvilupp fil-futur u tat is-sehem tagħha biex intlaħaq dan il-Ftehim kif ukoll lill-Bord tal-Gvernaturi u l-Management tal-ITS, li jaħdmu biex iħarsu l-interessi tal-istudenti, tal-istaff kollu u tal-istituzzjoni nfisha li trid tkompli tħares ‘l quddiem bil-kooperazzjoni u l-impenn ta’ kulħadd.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en