TITQIEGĦED L-EWWEL ĠEBLA TAL-BINI MILL-ĠDID TAL-GĦAJN TAL-ĦASSELIN F’GĦAJNSIELEM
“Is-sinerġija bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem matul l-aħħar snin, issarrfet f’diversi proġetti li huma ta’ ġid kemm għar-residenti tal-lokalità kif ukoll għal dawk kollha li jiffrekwentawha.”
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet dan fl-okkażjoni tat-tqegħid tal-ewwel ġebla tal-proġett tal-bini mill-ġdid tal-Għajn tal-Ħasselin f’Għajnsielem. Din l-għajn tirrappreżenta silta mill-istorja partikolari ta’ din il-lokalità u kien għalhekk li l-Kunsill Lokali ħaseb biex jirrestawraha u jerġa’ jrodd lura lill-poplu ta’ Għajnsielem sit ta’ valur storiku u karatteristiku ta’ dan ir-raħal. Il-Kunsill ta’ Għajnsielem sab sostenn finanzjarju mill-iskema tal-Ministeru għal Għawdex marbuta mal-Pjan ta’ Azzjoni EkoGħawdex 2010-2012. Il-bini mill-ġdid tal-Għajn tal-Ħasselin huwa parti minn proġett aktar wiesa’ li jinkludi t-tindif ta’ parti minn Wied Simirat u x-xiri ta’ eko-trakk.
L-Onor. Giovanna Debono fissret kif dan il-proġett ser ikun qed jirċievi l-għajnuna massima ta’ €70,000 skont din l-iskema. Żiedet tgħid li dawn l-inizjattivi se jolqtu għanijiet differenti marbuta mal-proġett ekoGħawdex u jirriflettu fil-prattika t-tifsira ta’ dan il-kunċett, li mhuwiex biss marbut mal-ambjent u l-enerġija, iżda jindirizza aspetti differenti li jolqtu mill-qrib il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Għawdxi filwaqt li jħarsu wkoll dak kollu li jagħti identità lil Għawdex. Fost dawn hemm l-identità kulturali msejsa fuq il-karatteristiċi ewlenin tal-lokalitajiet kollha f’Għawdex.
Il-Ministru Debono qalet li dawn huma ta’ valur miżjud għal-lokalità ta’ Għajnsielem li qed tgawdi wkoll minn proġetti oħra fosthom it-tisħiħ u t-tisbiħ li sar permezz tar-rikostruzzjoni tat-toroq bejn ix-Xatt u l-konfini ta’ Għajnsielem li jmissu max-Xewkija, il-bini tat-terminal il-ġdid u l-proġett li għaddej bħalissa fiż-Żewwieqa. Semmiet ukoll l-investiment qawwi li sar fit-tisħiħ tal-faċilitajiet edukattivi fl-iskola primarja tal-lokalità u fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri. Il-Ministru għal Għawdex semmiet ukoll xogħlijiet oħra li twettqu mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li komplew itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità ta’ Għajnsielem fosthom il-bini taċ-ċentru ċiviku. Hija awgurat li l-ewwel ġebla fil-proġett ta’ bini mill-ġdid tal-Għajn tal-Ħassellin tkun tirrappreżenta l-pedament, mhux biss ta’ dan il-proġett iżda ta’ ħidma aktar sfieqa b’risq il-wirt storiku Għawdxi.
L-iskema ta’ ekoGħawdex għall-Kunsilli Lokali flimkien ma’ oħra għal Għaqdiet Mhux Governattivi Għawdxin fissru investiment ta’ madwar €2 miljun fil-lokalitajiet kollha madwar Għawdex.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en