POLITIKA SOSTENIBBLI DWAR L-ENERĠIJA GĦAL DAREK, L-IMPJIEG TIEGĦEK, SAĦĦTEK U ULIEDEK
Titnieda l-Politika Nazzjonali dwar l-Enerġija
Politika sostenibbli dwar l-enerġija għal darek, l-impjieg tiegħek, saħħtek u uliedek. Din hija l-viżjoni tal-Gvern kif imfissra fil-Politika Nazzjonali dwar l-Enerġija li ġiet imnedija llum mill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali George Pullicino. Goerge Pullicino emfasizza kif l-għan tal-Gvern huwa li jiżgura tkabbir u ħolqien tal-ġid filwaqt li jiggarantixxi provvista ta’ enerġija effiċjenti u sigura li tħares ukoll l-ambjent.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħatat preżentazzjoni dwar il-kontenut tal-Politika Nazzjonali dwar l-Enerġija li ġiet maqbula mill-Kabinett wara proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’, il-Ministru Pullicino saħaq kif din il-Politika hija bbażata fuq ħames prinċipji ewlenin: enerġija effiċjenti u li jlaħħaq magħha kulħadd; sigurtà fil-provvista tal-enerġija; diversifikazzjoni; flessibilità u sostenibbiltà. Dawn huma prinċipji ewlenin ta’ viżjoni ta’ Gvern li huwa konxju li pajjiżna għandu limitazzjonijiet intrinsiċi fejn jidħlu tipi ta’ investiment li jistgħu jsiru u li d-domanda għall-enerġija se tkompli tikber minħabba tkabbir ekonomiku u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Pullicino fakkar kif bi tmexxija serja, pajjiżna llum għamel bidla fuq kif jaħseb fuq l-enerġija. Pajjiżna llum m’għadux iħares lejn dipendenza totali fuq iż-żejt, imma qed jitkellem fuq taħlita ta’ sorsi li jiġġeneraw l-enerġija. Dan jinkludi l-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa u rinnovabbli u wieħed ma jridx jinsa l-mijuni ta’ Ewro allokati lill-familji għal dan il-għan biex jingħataw inċentiv li jinvestu f’enerġija nadifa, saħaq il-Ministru Pullicino. Din hi strateġija ta’ Gvern li jmexxi bl-eżempju, li diġà ħa passi konkreti biex inaqqas il-ħela fil-binjiet tiegħu u li joffri spazji pubbliċi biex minnhom tkun iġġenerata enerġija nadifa. George Pullicino qal li dan huwa dokument ta’ Gvern b’saqajh mal-art li jagħmel għażliet responsabbli u li mhux mehdi jwiegħed l-ilma jiżfen lil kulħadd.
Gvern li qed jinvesti hu wkoll sabiex il-provvista tal-enerġija tibqa’ waħda affordabbli għal kulħadd tant li fl-aħħar budget alloka €25 miljun sabiex il-kontijiet tad-dawl ma jogħlewx. Il-Ministru George Pullicino fakkar kif din l-istrateġija isservi ta’ qafas għall-inizjattivi oħrajn li ħa l-Gvern s’issa, inkluż d-dokument dwar in-National Renewable Energy Action Plan, ż-żewġ dokumenti ta’ Strateġija dwar Tibdil fil-Klima (mitigazzjoni u adattazjoni) u l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trattament tal-Iskart Solidu.
Il-Ministru Pullicino qal li l-Gvern qed jintrabat li jkun hemm reviżjoni kull tlett snin tad-dokument u li dan ikun diskuss minn Kumitat tal-Kamra tar-Rappreżentanti li jitwaqqaf apposta sabiex il-proċess politiku jkun aġġornat u infurmat. Hu tenna li dan hu dokument li jrid ikun tal-poplu kollu għaliex l-enerġija hija ġid komuni li tgħinna naslu għall-progress li jistħoqqilna. Dan qed isir bi strateġija li tinkludi proposti kredibbli u fattibli u li permezz tagħhom għandhom ikunu iġġenerati wkoll aktar impjiegi u green jobs, temm jgħid il-Ministru George Pullicino.
Wieħed jista’ jsib kopja ta’ din l-istrateġija mis-sit www.mrra.gov.mt
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en