STQARRIJA LILL-ISTAMPA MILL-KUMMISSJONI GĦALL-AMMINISTRAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA
Mehmuża hi ittra mill-Kummissjoni għall-Aministrazzjoni tal-Ġustizzja.
STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA TAL-KUMMISSJONI DWAR L-AMMINISTRAZZJONI TAL-ĠUSTIZZJA
Minħabba diversi stqarrijiet u fehmiet espressi pubblikament dwar is-setgħat u l-implikazzjonijet tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni l-istess Kummissjoni tħossha fid-dover li tistqarr u tfakkar dan li gej.
1. Skont il-liġi huma tnejn biss il-modi li bihom il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tista’ tipproċedi fl-investigazzjoni tal-kondotta ta’ mħallef.
2. L-ewwel, il-Kummissjoni tista’ tinvestiga ġudikant skont l-artikolu 101A(11)(f) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. F’din l-investigazzjoni, jekk il-Kummissjoni ssib nuqqas fil-kondotta tal-ġudikant, l-unika miżura li tkun tista’ tieħu hi li tiġbed l-attenzjoni tal- ġudikant għall-aġir tiegħu li jista’ jolqot il-fiduċja li jkollu minħabba l-kariga tiegħu, jew li jmur kontra l-Kodiċi ta’ Etika tal-Ġudikanti.
3. Il-Kummissjoni ġa fil-passat investigat lill-Imħallef Carmelo Farrugia Sacco u ġibdet l-attenzjoni tiegħu skont l-artikolu msemmi.
4. It tieni, il-Kummissjoni tista’ tinvestiga ġudikant skond l-artikoli 8 u 9 tal-Att Dwar Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Kap 369). Il-Kummissjoni tista’ tinvestiga ġudikant skont dan l-artikolu fil-każ biss illi l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati jirriferilha mozzjoni magħmula fil-Kamra għat-tneħħija tal-imħallef mill-kariga tiegħu. Wara li tkun irċeviet tali mozzjoni, il-Kummissjoni tinvestiga, u tagħmel rapport tal-konklużjoni tagħha lill-iSpeaker. Jekk dan ir-rapport igħid li ma kienx hemm imġieba ħażina da parti tal-imħallef, allura ma tiġi meħuda ebda azzjoni oħra mill-Kummissjoni u fil-Kamra dwar dak ir-rapport. Jekk ir-rapport tal-Kummissjoni jkun sab prima facie li l-imġieba ħażina tkun pruvata, allura l-mozzjoni u r-rapport imsemmijin jiġu kunsidrati mill-Kamra. Jekk wara din il-konsiderazzjoni il-Kamra tkun sodisfatta li l-imġieba ħażina tkun pruvata, allura jiġu meħudin mill-Kamra u mill-President ta’ Malta l-proċeduri għat-tneħħija tal-imħallef mill-kariga tiegħu.
5. F’dan it-tieni każ il-Kummissjoni ma tieħu ebda deċiżjoni dwar it-tneħħija jew le tal-imħallef mill-kariga tiegħu. Tali deċiżjoni toħodha l-Kamra tad-Deputati wara li tkun ikkunsidrat ir-rapport tal-Kummissjoni.
6. Jiġifieri, skont il-liġi, meta l-Kummissjoni ssib ksur tal-Kodiċi ta’ Etika tal-Ġudikanti minn ġudikant l-istess Kummissjoni ma tista’ tieħu dwaru ebda miżura għajr dik li tiġbidlu l-attenzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 2 hawn fuq.
7. Dejjem skont l-artikoli 8 u 9 tal-Kap 369, l-iSpeaker ma għandux jippermetti li tiġi mogħtija xi pubbliċita’ lill-mozzjoni msemmija, u l-proċeduri kollha dwar din l-investigazzjoni għandhom jinżammu in camera. Għalhekk il-Kummissjoni ma tgħidx, u mhix se tgħid, jekk irċevitx jew le tali mozzjoni, u jekk hija hix jew le qiegħda tinvestiga, jew jekk hija investigatx jew le lill-Imħallef Farrugia Sacco skont dawn l-artikoli 8 u 9.
8. Il-Kummissjoni tinnota li hemm min jaħseb li meta ma jisma’ xejn u ma jara xejn allura l-Kummissjoni ma tkun qed tiddiskuti xejn u ma tkun qed tagħmel xejn. Dan hu ‘l boghod ħafna mir-realta’. Il-Kummissjoni għandha imposti fuqha bil-liġi obbligi ta’ riservatezza u oħrajn proċedurali li ma jippermettulhiex li tiżvela pubblikament dak kollu li tkun qed tagħmel jew tiddiskuti. Barra minn hekk meta l-Kummissjoni taġixxi tagħmel hekk kolleġġjalment u jrid ikun hemm diskussjoni bejn il-membri tagħha qabel tkun tista’ tieħu deċiżjoni. Dan mhux dejjem jippermetti lill-Kummissjoni li taġixxi bil-ħeffa li tkun tixtieq jew li bih ħaddiehor, li ma għandux l-istess obbligi ta’ riservatezza u ma għandu bżonn jikkonsulta lil ħadd ħlief lilu nnifsu, jkun jista’ jagixxxi. Il-Kummissjoni tfittex li tirrispetta l-liġi u l-obbligi imposti fuqha bil-liġi anki meta ma hix kuntenta bir-restrizzjonijiet li l-liġi timponi fuqha u anki meta l-fatt li tirrispetta l-liġi jagħti lok sabiex tiġbed fuqha l-kritika u n-nuqqas ta’ komprensjoni da parti ta’ ħaddiehor. Żgur li l-Kummissjoni ma hix ser tikser il-liġi sabiex tevita li tiġi kritikata jew sabiex tingħoġob ma’ min jikkritikha. Jekk hemm xi kritika li għandha ssir f’dan ir-rigward din għandha tiġi indirizzata lejn min għandu s-setgħa li jibdel il-liġi u mhux lejn il-Kummissjoni.
9. Finalment, il-Kummissjoni tagħmilha mill-aktar ċar li espressjonijiet ta’ fiduċja f’xi ġudikant Malti minn entitajiet estraneji għall-ġudikatura in konnessjoni mal-attivita’ extra-ġudizzjarja ta’ dak il-ġudikant u l-fehmiet tal-istess entitajiet dwar id-doveri etiċi ta’ membru tal-ġudikatura Maltija ma jikkondizzjonaw xejn lill-Kummissjoni. Kull ġudikant għandu jagħraf li l-ewwel lealta’ tiegħu hi lejn l-istituzzjoni Ġudizzjarja li lilha jappartjeni u l-fiduċja assoluta li għandha tispira fil-komunita’ li sservi.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en