Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI

pr2755
Date Icon 14/12/2012

It-tender dwar pannelli fuq soqfa pubbliċi huwa wieħed pubbliku

Għal darb’oħra l-Onor. Leo Brincat reġa kkonferma li l-iktar importanti għalih huwa li jitfa’ t-tajn.  Dan reġa għamlu llum bl-istqarrija li ħareġ dwar il-proġett ta’ twaħħil ta’ pannelli fuq soqfa pubbliċi.  Qabel xejn ta’ min ifakkar li dan kien tender pubbliku, miftuħ għal skrutinju pubbliku, skont regoli ċari u trasparenti.  Dan ifisser ukoll li l-informazzjoni li talab l-Onor Leo Brincat diġa hija pubblika.

Għar-rigward tal-feed-in tariff, irid jiġi mfakkar li dan kien tender li għalaq fi Frar tal-2012.  Ir-rata ntgħażlet abbażi ta’ sejħa kompetittiva u hija ta’ €0.22,95 ċ. Għar-rigward tal-power purchasing agreement, l-Onor Leo Brincat messu jaf li t-termini u l-kundizzjonijiet tiegħu diġà ġew ikkomunikati fit-tender.  Din il-Feed-In-Tarriff tobbliga lill-kumpanija li rebħet dan il-kuntratt biex twettaq l-investiment kollhu marbut mal-installazzjoni tal-panelli fotovoltajiċi u tinstalla wkoll strutturi biex jieħdu fuqhom dawn il-pannelli peress li dawn iridu jitpoġġew fuq soqfa antiki jew soqfa ta’ ġibjuni.  Il-Kuntrattur intrabat li jiggarantixxi li s-sistema ta’ panelli fotovoltajiċi taħdem għal 25 sena b’ammont ta’ produzzjoni ta’ elettriku garantit kull sena. Għal dan il-għan ħadd ma jista’ jqabbel il-Feed-in Tariff li ħabbar il-Gvern mal-Feed-in Tariff li ħarġet minn din is-sejħa pubblika għax hemm kundizzjonijiet onoruzi ħafna fuq il-kuntrattur. Anke hawn l-Oppożizzjoni tipprova tiżra d-dubju biex tfixkel.

Iż-żmien minn meta ntgħażel l-aħjar bidder sakemm ġie ffirmat il-kuntratt, u li donnu tant inkwieta lill-Onor Brincat, huwa żmien raġjonevoli li jiġri fi kwalunkwe tender fejn il-partijiet jiċċaraw xi dettalji ta’ ftehim li ta’ min ifakkar, jinvolvi ħafna entitajiet Governattivi.  Il-fatt li ħareġ tender jikkonferma kemm il-Gvern ried li jikseb l-aħjar prezz li joffri s-suq.

Għar-rigward tad-dubju mqajjem mill-Onor Brincat dwar il-ġenerazzjoni tal-enerġija, ta’ min ifakkru li d-dokument tat-tender kien isemmi li l-enerġija li tiġi mixtrija  hija ta’ madwar 7.5GWh u l-offerta magħżula tmur f’din id-direzzjoni.  Dan il-proġett se jikkontribwixxi 0.1% għall-miri ta’ pajjiżna fil-ġenerazzjoni tal-enerġija ġġenerata minn sorsi nodfa.

L-Onor Leo Brincat jipprova joħloq ukoll dubji dwar il-kompożizzjoni tal-konsorzju li rebaħ it-tender.  Hija evidenti li l-Onor Brincat id-dokument ma qrahx, jew agħar minn hekk, qrah u jrid iqarraq.  Id-dokument jispeċifika li jista’ jkun hemm bdil fil-formazzjoni tal-konsorzju.  Għal darb’oħra dan juri kemm l-Onor Brincat huwa amateur.

Dawn huma fatti pubbliċi.  Dawn lill-Onor Leo Brincat ma jinteressawhx, l-istess kif ma interessatux l-informazzjoni pubblika li għaddejna dwar il-kummenti tal-awditur ġenerali dwar l-operat tal-Wasteserv.  L-Onor Leo Brincat moħħu biss biex jitfa’ t-tajn.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow