Left arrow Go Back

240 PROĠETT MINN GĦAQDIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ IBBENEFIKAW MINN AKTAR MINN €3.6 MILJUN F’FONDI EWROPEJ FL-AĦĦAR 5 SNIN

pr2752
Date Icon 14/12/2012

Is-Segretarju Parlamentari jiftaħ uffiċjalment il-European Jobs and Mobilty Fair mtella’ mill-ETC u mill-EUPA

Illum tqassmu €519,345 lil 22 grupp taż-żgħażagħ permezz tal-programm “Youth in Action”

L-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport fetaħ uffiċjalment il-European Jobs and Mobilty Fair filwaqt li ippreżenta €519,345 f’fondi Ewropej li 22 grupp taż-żgħażagħ li ibbenefikaw mill-programm tal-Unjoni Ewropea ‘Youth in Action’ (‘Żgħażagħ fl-Azzjoni’) immexxi mill-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (l-EUPA). Huwa qal li fl-aħħar 5 snin gruppi taż-żgħażagħ ibbenefikaw minn aktar minn €3.6 miljun f’fondi Ewropej biex għamlu 240 proġett. Dan ħabbru waqt attivita’ li saret fil-Lunkanda Excelsior fil-Floriana.

L-Onor Puli qal li dawn il-programmi tal-Unjoni Ewropea qed jagħtu aċċess dirett liż-żgħażagħ u lill-għaqdiet tagħhom għall-fondi tal-UE. Fl-istess waqt dawn il-programmi qed jipprovdu opportunitajiet lil mijiet ta’ żgħażagħ biex jakkwistaw u jiżviluppaw ħiliet ġodda li huma importanti għall-ħajja personali u soċjali u fid-dinja tax-xogħol. Huwa qal li l-Youth in Action Programme jagħti opportunità liż-żgħażagħ li jagħmlu skambji li jlaqqgħuhom ma’ persuni, pajjiżi u kulturi differenti minn tagħna kif ukoll jagħti opportunità liż-żgħażagħ li jersqu u jikkomunikaw aktar ma’ ġenerazzjonijiet oħra.

Puli tenna li filwaqt li  pajjiżna għandu waħda mill-anqas rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa, il-pajjiż jeħtieġ jibqa’ jaħdem mal-pajjiżi l-oħra Ewropej biex jagħti aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ. Il-European Jobs and Mobility Fair qed issir għall-ewwel darba biex iż-żgħażagħ u ħaddiema oħra jiltaqgħu ma’ konsulenti tal-karrieri minn diversi pajjiżi Ewropej li qed jippromwovu l-opportunitajiet ta’ xogħol f’pajjiżhom. L-Unjoni Ewropea tqis il-mobbiltà taż-żgħażagħ u l-ħaddiema bħala opportunità biex iż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħhom ikabbru l-esperjenza u l-impjeggabiltà tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn l-inizjattivi jikkuplimentaw bi sħiħ l-investiment li jagħmel il-Gvern fl-edukazzjoni. Huwa semma wkoll l-programmi ta’ empowerment ta’ Aġenzija Żgħażagħ li qed jagħtu opportunita’ liż-żgħażagħ Maltin permezz ta’ programmi innovattivi li jolqtu żgħażagħ differenti fosthom fil-kitba, fid-drama, fl-arti, fil-mużika, fil-volontarjat u fil-politika. Dawn il-programmi wkoll qed jagħtu ħiliet ġodda liż-żgħażagħ sabiex jaħtfu l-opportunitajiet li jiġu quddiemhom.

Fl-introduzzjoni tiegħu, is-Sur Robert Debono, Koordinatur Nazzjonali tal-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea, qal li fix-xhur li għaddew l-Aġenzija għamlet kampanja biex tilħaq liż-żgħażagħ, organizzazzonijiet u anki ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ sabiex ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi tal-‘Youth in Action’. Huwa qal li l-aġenzija se tkompli taħdem fuq dak li ħadmet fl-2012 sabiex tagħmel differenza fil-ħajja taż-żgħażagħ. Hu tenna li l-applikazzjonijiet li jmiss se jibqgħu jiltlaqgħu sal-1 ta’ Frar u ħeġġeġ lill-għaqdiet sabiex jibdew jaħsbu fuq proġetti oħra.

Il-programm ‘Youth in Action’ huwa l-programm tal-Unjoni Ewropea ddedikat liż-żgħażagħ ta’ bejn 13 u 30 sena. Dal-programm jippromwovi l-mobbiltà, it-tagħlim mhux formali, djalogu inter-kulturali, jinkoraġġixxi l-inklużjoni taż-żgħażagħ kollha u anki jipprovdi sapport lix-xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ. Fost il-varjetà ta’ proġetti li jinkludi dal-programm hemm skambji, inizjattivi, proġetti dwar id-demokrazija, il-European Voluntary Service għall-volontarjat f’pajjiżi oħra, kooperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea, taħriġ u netwerking għall-youth workers u organizzazzjonijiet u anki laqgħat mal-Policy Makers.

Fost l-organizzazzjonijiet li bbenefikaw hemm San Ġwann Youth Centre, Santa Venera Youth Local Council, l-Emergency Responce and Rescue Corps, il-Birdlife Malta, u s-Salesjani.

Preżenti għall-ftuħ uffiċjali ta’ din il-fiera kien hemm il-Koordinatur tal-EUPA Robert Debono u ċ-Chairperson tal-ETC Sandra Sladden.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur www.facebook.com/yiamalta, www.yia.eupa.org.mt.

Dawn l-inizzjattivi huma ffinanzjati bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea (id-Direttorat Ġenerali tal-Edukazzjoni u l-Kultura). Tagħrif dwar l-Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea jinsab fis-sit tal-aġenzija www.eupa.org.mt.

Għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi tal-Eures jista’ jżur www.eures.com.mt

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow