ŻEWĠ TAQSIMIET GĦAL TFAL U ŻGĦAŻAGĦ B’DIŻABILITA’ SE JINTUŻAW MILL-ĠIMGĦAT LI ĠEJJIN
Żewġ taqsimiet f’Birżebbuġa, li nbnew apposta u bħalissa għaddej l-aħħar xogħlijiet ta’ tlestija fihom, mistennija jibdew jintużaw għall-ġid ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilita’ intellettwali mill-ġimgħat li ġejjin.
Iż-żewġ taqsimiet, li se jservu waħda bħala residenza għal tfal u żgħażagħ b’diżabilita’ intellettwali u l-oħra bħala ċentru ta’ terapija għall-istess kategorija ta’ klijenti, qed isiru minn fondi ivvutati apposta fil-Baġit għas-sena 2012 bil-għan li jiżdiedu s-servizzi għal tfal u żgħażagħ b’diżabilita’ f’pajjiżna. B’riżultat ta’ hekk mhux biss igawdu t-tfal u ż-żgħażagħ infushom imma wkoll il-familji mmedjati tagħhom.
L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, żar il-proġett fi Triq Tal-Ġebel f’Birżebbuġa li issa jinsab fl-aħħar fażijiet tiegħu. Sal-aħħar ta’ din is-sena mistennija titlesta kompletament ir-residenza filwaqt li qrib l-aħħar ta’ Jannar mistenni jitlesta ċ-ċentru ta’ terapija. Iż-żewġ taqsimiet se jitmexxew minn Aġenzija Sapport fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.
Il-Ministru spjega kif ir-residenza se tkun qed tilqa’ biex jgħixu fiha bejn ħames u sitt itfal ta’ etajiet qrib xulxin bil-għan li jissaħħu wkoll relazzjonijiet ta’ ħbiberija bejniethom. In-numru eżatt mistenni jiġi stabbilit fil-qrib hekk kif jiġu identifikati t-tfal li se jkunu qed jgħixu f’din ir-residenza u allura skont id-diżabilitajiet individwali tagħhom u l-attenzjoni meħtieġa anke fejn jidħol l-aspett ta’ sigurta’.
Huwa spjega li din ir-residenza se tkun qed toffri servizz personalizzat lil kull resident fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa. Se jfisser ukoll li l-Gvern se jiddedika ħaddiema professjonali apposta li jingħataw ukoll taħriġ speċjalizzat biex jieħdu ħsieb lit-tfal, filwaqt li jżommu kuntatt kontinwu mal-ġenituri jew ma’ min għandu l-kustodja tagħhom, kif ukoll ma’ ħaddiema oħra professjonali fosthom Social Workers. Bħalissa għaddej it-taħriġ ta’ dawn il-ħaddiema
Chris Said fisser kif il-kunċett li qed jintuża f’din ir-residenza jwassal biex din se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u hi ntenzjonata li toħloq ambjent ta’ dar għal tfal jew żgħażagħ li minflok ikun hemm possibilita’ li jsibu ruħhom f’istituzzjoni. “Dan bla dubju joħloq ambjent iktar pożittiv għal dawn it-tfal jew żgħażagħ”, fisser il-Ministru, “bil-Gvern juri b’mod tanġibbli li jimpurtah mill-ħtiġijiet ta’ żvilupp, ħtiġijiet soċjali, edukattivi, ta’ saħħa, sigurta’ u rikreattivi ta’ kull individwu, inkluż il-vulnerabbli u l-familji tagħhom”.
Iċ-ċentru terapewtiku mistenni joffri servizzi psikoloġiċi u ta’ terapija fuq bażi personalizzata u anke fuq bażi ta’ grupp fejn meħtieġ, kemm lit-tfal jew żgħażagħ kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom. Is-servizzi se jingħataw kemm lil dawk li jgħixu fi djar residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport, fi djar immexxija minn għaqdiet mhux governattivi li qed jingħataw għajnuna finanzjarja mill-Gvern, kif ukoll dawk li qed jgħixu fid-dar privata tagħhom fil-komunita’.
Il-Ministru semma’ kif dan iċ-ċentru se jkollu fost l-oħrajn Multi-Sensory White Room, Soft Room u kamra għall-użu ta’ play therapy u drama therapy.
Huwa fisser kif dawn iż-żewġ taqsimiet ifissru b’mod tanġibbli l-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ kulħadd f’pajjiżna filwaqt li rrefera għal proġetti oħra li jinkoraġixxu lill-persuni b’diżabilita’ jibqgħu jgħixu fil-komunita’ fosthom iċ-ċentru Sonia Tanti f’Ħal Far kif ukoll iċ-ċentri ta’ matul il-jum li tmexxi Aġenzija Sapport bil-għan li tagħti taħriġ li jgħinu lill-persuna b’diżabilita’ tgħix fil-komunita’ fil-ħajja tagħha ta’ kuljum.
Il-Ministru Said irrefera wkoll għall-impenn tal-Gvern, kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit għas-sena d-dieħla, li jkompli jżid is-servizzi residenzjali għall-persuni b’diżabilita’ li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-familji tagħhom u semma’ kif fis-sena li ġejja l-Gvern irid jiftaħ residenzi għall-persuni b’diżabilita’ f’Għawdex bi sħab ma’ għaqdiet volontarji.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en