Left arrow Go Back

DISKORS MILL-PRIM MINISTRU, L-ONOR. LAWRENCE GONZI WAQT L-INAWGURAZZJONI TAL-WIRJA “IT-TWELID U T-TFULIJA TA’ ĠESU’. PITTURI BAROKKI MALTIN MINN KOLLEZZJONIJIET PRIVATI”, LI QED ISSIR FIL-BERĠA TA’ KASTILJA. Il-ĦADD, 9 TA` DIĊEMBRU 2012

pr2714
Date Icon 09/12/2012

Wara li l-Milied li għadda għamilna wirja tal-Bambini tal-Milied, din is-sena qed intellgħu l-wirja ‘It-Twelid u t-Tfulija ta’ Ġesù. Pitturi Barokki Maltin minn Kollezzjonijiet Privati.’   Din hija hija okkażjoni partikolari sabiex naraw mill-qrib għażla mirquma ta’ xogħlijiet żgħar tal-arti magħmula minn protagonisti Maltin matul il-Barokk Tardiv. Fil-fatt, ix-xogħlijiet f’din il-wirja jkopru l-perjodu ta’ bejn l-1670 u l-1780, jiġifieri l-perjodu ta’ bejn 350 u 250 sena ilu. 

Għal din il-wirja għażilna xogħlijiet esebiti li kienu magħmula għas-suq privat jiġifieri għad-djar u mhux għall-knejjes jew palazzi pubbliċi. L-għamla u d-daqs ta’ dawn il-kwadri turi biċ-ċar li kienu magħmula biex jiddendlu fi djar privati, imwaħħla ma’ xi ħajt għoli mimli b’pitturi oħra, kif kient l-użanza fis-sekli sbatax u tmintax.  Barra minn hekk, kważi dawn il-pitturi kollha qed jintwerew fil-pubbliku għall-ewwel darba.

Għalhekk l-ewwelnett nirringrazzja lilkom is-sidien ta’ dawn il-pitturi li għoġobkom tilqgħu l-istedina tagħna biex il-poplu Malti, u t-turisti li jkun jkun hawn fostna, jistgħu jgawduhom.  Napprezza li kien ukoll diffiċli għalikom li propju fi żmien il-Milied, dawn il-pitturi ma jkunux fi djarkom imma jkunu qed jitgawdew mill-poplu tagħna. Grazzi.

Din hija opportunità unika ta’ studju ta’ xogħlijiet żgħar kemm lil dawk li jħobbu l-arti kif ukoll lir-riċerkaturi biex nagħrfu aktar u aħjar l-identità u l-istorja kulturali ta’ pajjiżna.  Nixtieq nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja wkoll lil dawk li diġà laqgħu studjużi fid-djar tagħhom u nħeġġeġ oħrajn biex jieħdu dawn l-inizjattivi.

Irrid nirringrazzja wkoll lill-istudjużi, konservaturi u restawraturi li qed jaħdmu f’dan il-qasam.  Nistqarr li nqis li għaddej rinaxximent interessanti f’dan il-qasam li jorbot ħafna mal-politika tal-Gvern anke fir-rigward tal-ekonomija kreattiva.  

Nirringrazzja lill-Professur Keith Sciberras li kien strumentali biex din il-wirja setgħet tittella’ u lis-Sur Joe Borg għar-ritratti u l-assistenza kbira tiegħu.  Nirringrazzja wkoll lil Recoop għax-xogħol marbut ma’ konservazzjoni f’din il-wirja.

Nagħlaq billi naqsam ħsieb żghir.  Dawn il-pitturi kienu maħsuba biex jitgawdew mill-familja.  Is-suġġett huwa wkoll il-familja, bis-sabiħ u l-inkwiet tagħha.  Naraw il-ferħ tat-twelid, il-biża’ u l-inkwiet tal-ħarba fl-Eġittu, l-laqgħa mal-kunjati (pittura fejn hemm il-familja tal-Madonna u San Ġużepp f’laqgħa ma’ Sant’Anna u San Ġwakkin), u l-laqgħa bejn il-qraba (pittura oħra tiddeskrivi l-familja ta’ Kristu qed tiltaqa’ mal-familja ta’ San Ġwann il-Battista).  Il-kuntest huwa l-Milied, li ngħidulu l-festa tal-familja.  U dan kollu huwa ġewwa l-Berga ta’ Kastilja li hija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jew il-qalba tal-Gvern.

Jalla dan jgħinna nagħrfu l-valur u s-sabiħ tal-familja fejn nitwieldu, nikbru, nitgħallmu, nissaħħu u nsaħħu u nwensu lil xulxin.  Fl-aħbarijiet u fil-ġurnali jidher ħafna x’jiġri hawnhekk f’Kastilja, imma rari jidhru l-mirakli kbar u x-xogħol kbir li jsir kuljum u fis-skiet fil-familji tagħna.  Nawgura li din il-wirja tkun ukoll għarfien u rikonoxximent min-naħa tagħna għas-sabiħ li jsir fis-skiet u kuljum fil-familji tagħna.

Nawgura mill-qalb Milied mill-isbaħ, hieni u mimli paċi lill-familji kollha tagħna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET  Malta ttenni l-prinċipji soċjali tagħha favur akkomodazzjoni affordabbli, sigura u aċċessibbli għal kulħadd f'laqgħa Ewropea tal-Ministri tal-Akkomodazzjoni

PR262028

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY  Malta continues to strengthen its position as an international maritime hub

PR262027en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR SUSTAINABLE MOBILITY Malta continues to ...

More Press Releases Right arrow