202 ŻAGĦŻUGĦ/A KISBU ĊERTIFIKAZZJONI MILL-ISTITUT TAL-ATTIVITÀ FIŻIKA U L-ISPORT FL-UNIVERSITÀ TA’ MALTA MILL-2009 ’L HAWN
- 15-il student minnhom kisbu Diploma f’Sports & Leisure
- Minn din is-sena jibda’ Degree fl-Isport u Stil ta’ Ħajja Attiva
F’dawn l-aħħar 4 snin il-Gvern kompla jinvesti r-riżorsi tiegħu fl-isport, biex aktar milli delizzju l-isport isir karriera, b’hekk l-isport isir aktar professjonali u ta’ kwalità għolja. Dan wassal biex mill-2009 ’l hawn l- Istitut tal-Attività Fiżika u l-Isport fl-Università ta’ Malta ta’ ċertifikazzjoni lil 202 f’livell ta’ certificate u diploma. Dan ħabbru l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport, meta lbieraħ filgħaxija qassam ċertifikati lill-istudenti li temmew b’suċċess korsijiet fl-livell ta’ certificate fl-isport mill-Institute for Physical Education and Sport (IPES).
Waqt id-diskors tiegħu l-Onor. Puli sostna li l-ħidma ta’ dan l-Istitut fi ħdan l-Università ta’ Malta li jħarreġ nies f’diversi oqsma tal-isport timxi id f’id mal-ħidma tal-Gvern li jagħmel l-isport aktar professjonali filwaqt li jxettel kultura sportiva fis-soċjetà Maltija. L-Onor. Puli tenna li għal dan il-għan dan l-istitut jieħu madwar €20,000 fis-sena mill-Kunsill Malti għall-Isport biex ikunu jistgħu jittellgħu dawn il-korsijiet.
Is-Segretarju Parlamentari qal li għall-ewwel darba is-sena li għaddiet 15-il student temmew b’suċċess kors fuq livell ta’ diploma dwar l-Isports u d-Divertiment mill-istess Istitut filwaqt li din is-sena hemm 36 student ieħor li qed isegwu kors fuq livell ta’ Degree fl-Isport u l-Istil ta’ Ħajja Attiva.
Hu saħaq li dawn m’humiex biss numri pożittivi iżda huwa awgurju tajjeb għax ifisser li hawn interess akbar fl-attività fiżika u fl-isport u qed jikber l-għarfien dwar il-bżonn ta’ aktar professjonalità f’diversi dixxiplini u l-coaching. Hu sostna li kemm il-Gvern kif wkoll l-istudenti qed jagħrfu l-potenzjal tas-settur sportiv u fakkar kif matul din il-leġiżlatura il-Gvern nieda diversi iniżjattivi bil-għan li l-isport isir bħala professjoni aktar milli delizzju. Fakkar kif din is-sena biss il-Gvern fetaħ l-ewwel Skola Nazzjonali tal-Isport li qed tilqa l-ewwel 38 student fil-Form 1 u qassam l-ewwel 14-il borża ta’ studju fl-Isport.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en