STQARRIJA KONGIUNTA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT U L-MINISTERU TAT-TURIZMU, L-AMBJENT U L-KULTURA
Sodisfazzjon ghat-Titjib fil-profitabbilita' tal-operaturi turistici
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Ministeru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura jinnutaw ir-riżultati pożittivi rreġistrati fl-industrija tat-Turizmu kif rapportat mir-rapport ikkummissjonat mill-MHRA stess, fuq quddiem nett iż-żieda fil-profitabbilità tal-lukandi u r-ristoranti ta’ pajjiżna, li fit-tielet kwart ta’ din is-sena żdiedet sostanzjalment, mhux biss fuq l-2011, iżda anke fuq l-2008, is-sena li l-President tal-MHRA is-Sur Tony Zahra dejjem enfasizza li rridu nqablu maghha meta nitkellmu fuq profitabbilita'.
Fil-fatt, fit-tielet kwart din is-sena, il-profitabbilità tal-lukandi 5-star żdiedet b’10.5% fuq l-2011 (17% fuq l-2008); għal dawk 4-star żdiedet bi 8% fuq l-2011 (3.6% fuq l-2008) u għal dawk 3-star bi 11.9% (22% fuq l-2008).
Din hija ċertament aħbar tajba għas-settur turistiku u l-ħaddiema kollha ta’ dan is-settur. Iż-żieda fil-profitabbilità hija direttament marbuta ma’ numru ta’ fatturi:
Numru rekord ta’ turisti li qed iżuru Malta u Għawdex. Wara erba’ snin rekord fl-ahhar hames snin li ghaddew, bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena ġew Malta madwar 1.3 miljun turist, żieda ta’ aktar minn 21,000 turist fuq l-istess perjodu is-sena li għaddiet u qattgħu ’l fuq minn 11-il miljun lejl, żieda ta’ aktar minn 745,000 (+7.1%) lejl fuq Jannar-Ottubru 2011. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, it-turisti nefqu ’l fuq minn 1.2 biljun ewro, żieda ta’ aktar minn €91miljun (+8.1%) fuq l-istess perjodu fl-2011. Din in-nefqa tfisser kummerċ għal diversi negozji fosthom lukandi, ristoranti, u kull tip ta’ negozju li jgawdi mis-suċċess fis-settur turistiku.
Tfisser ukoll ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Dan huwa frott tal-fatt li, sena wara l-oħra, fil-budget għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, li permezz tagħhom setgħet issaħħaħ l-kampanji ta’ reklamar u promozzjoni ta’ pajjiżna. Fil-Budget għall-2013, żdiedet għal darb’oħra l-allokazzjoni għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għal 37 miljun ewro.
F'din il-leġislatura, il-Gvern żied l-allokazzjoni annwali bi 12.5 miljun ewro fuq dik allokata fl-2008 meta kienet ta' 24.5 miljun ewro - li tfisser zieda ta’ aktar minn 50 fil-mija. Huwa wkoll rizultat tal-investiment b’saħħtu fl-accessibilita’ ta’ pajjizna b’zieda sostanzjali fir-rotot minn u lejn Malta, kif ukoll tal-investiment fil-programm ta’ ristrutturar tal-Air Malta. Ta’ min ifakkar illi minn 47 rotta minn u lejn Malta fl-2008, illum ghandna 81 rotta.
Il-Gvern ifakkar li filwaqt li r-rata ta’ VAT fuq is-settur turistiku, ta’ 7% tibqa' wahda mill-aktar baxxi fl-Ewropa (22 minn 27 pajjiz ghandhom rata oghla minn Malta), din iddaħħlet bi qbil mal-istess MHRA, bil-ghan li jizdied il-Budget ta’ l-Awtorita biex b’hekk ingiebu aktar turisti. Ir-reviżjoni fil-VAT tissostitwixxi l-miżura ta’ 50ċ għal kull lejl li jqatta’ turist u li kienet tħabbret fil-Budget 2009, liema miżura kellha tiġi introdotta fl-1 ta’ Jannar 2010, iżda baqgħet ma ġietx introdotta. Dan id-dħul ġie kollu ri-investit fis-settur turistiku.
Il-lukandi u r-ristoranti kienu wkoll gew megħjuna b’inċentivi diretti lil-lukandi fosthom skema ta’ 10 miljun ewro għall-kofinanzjament ta’ proġetti marbuta ma’ turiżmu sostenibbli; fejn ġew approvati aktar minn 100 proġett u l-Gvern għen finanzjarjament sa' 50% tal-ispejjeż relatati ma' dan l-iżvilupp. Il-Gvern għen ukoll fuq ir-rata tal-imgħax fuq is-self mill-banek għar-rinnovar fejn 3% ta' din ir-rata ġiet issussidjata.
Il-Gvern jgħin lis-settur ukoll permezz ta’ għajnuniet minn skemi oħra, fosthom dawk tal-ERDF, li l-lukandi u r-ristoranti jistgħu jgawdu minnhom, fosthom dawk li jgħinuhom jinvestu f’sorsi tal-enerġija li tiġġedded, biex b’hekk innaqqsu l-ispiża tagħhom b’rabta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija.
Fil-Budget ta’ din is-sena habbarna li l-Malta Enterprise ser tirrevedi l-Incentives Guidlines biex lukandi jkunu jistghu jibbenefikaw minn investment aid ta’ 15% fuq l-ispiza kapitali taghhom f’forma ta’ tax credit. Altru milli Gvern li ma nvestiex f’din l-industrija vitali ghal pajjizna.
Dan kollu huwa prova ċara tal-impenn ċar tal-Gvern fil-konfront tas-settur turistiku, li jibqa’ kontributur importanti għal ħolqien ta’ ġid, ta’ aktar postijiet tax-xogħol u ta’ aktar dħul għal-lukandiera, sidien ta’ ristoranti u l-ħaddiema li jiddependu minn din l-industrija.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en