DISKORS MILL-ONOR. AUSTIN GATT, MINISTRU GĦALL-INFRASTRUTTURA, TRASPORT U KOMUNIKAZZJONI, FL-OKKAŻJONI TAL-IFFIRMAR TAL-FTEHIM BEJN MALTA FREEPORT U MEDSERV GĦALL-KIRJA TAL-ART – L-ERBGĦA 5 TA’ DIĊEMBRU, 2012
Il-Medserv twiegħed li se tinvesti 10 miljun ewro fl-10 snin li ġejjin
Qed nassistu llum għall-iffirmar ta’ ftehim bejn il-kumpanija Malta Freeport Terminals u l-kumpanija Medserv, fejn din tal-aħħar qed twiegħed li se tinvesti 10 miljun ewro fl-għaxar snin li ġejjin.
Mhux hekk biss iżda grazzi għal dan l-investiment se tkun qed iżżid il-ħaddiema tagħha minn 50 għal 90. Dan barra l-ħaddiema Maltin li jkunu ingaġġati minn żmien għall-ieħor minn kumpaniji barranin li jagħmlu użu mill-operat tal-kumpanija Medserv.
Il-kumpanija Medserv ilha taħdem mill-faċilità tal-Malta Freeport għal aktar minn 15-il sena u matul is-snin stabbiliet isem eċċellenti ma’ kumpaniji li jesploraw għaż-żejt fl-ibħra tal-Afrika ta’ Fuq u anke fil-Lvant tal-Mediterran. Ħafna minn dawn il-kumpaniji jankraw il-vapuri u r-riggijiet taż-żejt fuq il-faċilitajiet ta’ Medserv.
Medserv taħdem minn sit ta’ 50,000 metru kwadru kif ukoll topera fuq moll ta’ 200 metru. Din il-kumpanija tiġġenera 10 miljun ewro fis-sena.
Issa permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tingħata d-dritt li tkompli tuża dan is-sit fil-Malta Freeport Terminal għal 15-il sena fuq il-ftehim li kien hemm qabel dak ta’ 48 sena. Għal dan tħallas 2.25 miljun ewro.
Barra minn dan il-ħlas iżda issa qed tidħol fi ftehim li tinvesti 9 miljun ewro biex ittejjeb il-faċilitajiet li għandha fil-Malta Freeport.
Fost oħrajn se tkun qed tinvesti fit-tagħmir tagħha, ittejjeb l-imħażen tagħha u anke l-fendering system fuq il-moll.
Kif għidt aktar qabel dan l-investiment se jkompli jżid il-jobs u fil-fatt fl-għaxar snin li ġejjin il-ħaddiema se jiżdiedu minn 50 għal 90 persuna. Ovvjament jekk ikun hemm bżonn ta’ aktar ħaddiema Medserv se tkun qed timpjega aktar.
Il-Gvern jibqa’ kommess sal-aħħar biex jgħin kumpaniji bħal Medserv għax barra li jkabbru l-operat tagħhom ikunu qed ikabbru l-ekonomija ta’ pajjiżna u joħolqu aktar xogħol.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en