TINTEMM L-EWWEL EDIZZJONI TAL-PROGRAMM TAL-YOUTH FA ‘INVESTING IN THE FUTURE’
- Mat-30 nursery ipparteċipaw f’dan il-programm
- Isir ’biomechanical screening test’ fuq 350 żgħażugħ għall-ewwel darba
- Titnieda it-tieni edizzjoni ta’ dan il-programm
Mat-30 nursery tal-football, li jinkludu players, coaches, amministraturi sportivi u ġenituri ipparteċipaw f’numru ta’ inizjattivi matul is-sena li għaddiet permezz tal-programm imtella’ mill-Youth FA b’għajnuna mill-Kunsill Malti għall-Isport – ‘Investing in the Future’. Dan ħabbru l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta l-bieraħ filgħaxija intemmet l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm, bi tqassim ta’ ċertifikati lin-nurseries li ipparteċipaw.
Fid-diskors tal-għeluq l-Onor. Puli qal li l-Youth FA hija waħda mill-assoċjazzjonijiet sportivi li dejjem imxiet id f’id mal-Gvern fil-missjoni tiegħu ... t-tixtil ta’ kultura sportiva. Dan għaliex bħal Gvern, il-Youth FA tinvesti l-finanzi u l-enerġija tagħha fl-iżvilupp sportiv u soċjali tat-tfal u żgħażagħ membri fi ħdanha. Huwa tenna li l-Gvern dejjem saħaq li valuri tal-isport imorru oltre’ mill-attivita’ fiha nnifisha għaliex jikkultiva soċjetà fiżikament u mentalment b’saħħitha; jibni l-karattru taż-żgħażagħ tagħna u jikkontribwixxi għall-ekonomija tal-pajjiż. Puli qal li dan il-programm li tnieda is-sena li għaddiet qed jgħin biex inkomplu ninvestu fil-futur tat-tfal billi nrawmuhom f’kultura li ddur mal-isport.
Matul din l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-programm ingħataw 8 sezzjonijiet ta’ psikoloġija lin-nurseries li għalihom ipparteċipaw mat-21 nursery u 80 coach. Dawn is-sezzjonijiet kienu maħsuba biex jagħtu lill-parteċipanti għarfien psikoloġiku bażiku, fosthom ir-rwol tal-coaches kemm fil-ground u barra; l-mod li l-coach jinfluenza lit-tfal u r-responsabbiltajiet tal-coaches. Saru wkoll sezzjonijiet ta’ nutrizzjoni għall-amministraturi tan-nurseries, coaches u ġenituri, kif ukoll seminars dwar il-protezzjoni tat-tfal fl-isport.
Matul din is-sena saru għall-ewwel darba programmi ta’ screening ‘Biomechanical’ fejn adoloxxenti ta’ bejn it-12 u l-14-il sena qagħdu għal dan it-test. S’issa 16-il youth nursery lestew dan il-programm fejn sar screening lil 350 żgħażugħ. Qabel dan l-iscreening saret ukoll preżentazzjoni lill-ġenituri, kowċis u amministraturi sportivi biex ikunu spjegati l-benefiċċji ta’ dan it-test li jidentifika problemi ta’ non-contact injuries li jistgħu jiżviluppaw fil-futur.
Fi tmiem id-diskors tiegħu l-Onor Puli ħabbar li l-Gvern permezz tal-KMS se jkun qed jerġa jiniedi edizzjoni oħra ta’ dan il-programm li kien wieħed suċċess, biex jintlaħqu aktar nurseries. Għas-sena d-dieħla qed jiġi propost li jsiru sezzjonijiet oħra ta’ nutrizzjoni fejn se jiġi varat ktejjeb li se jitqassam għand il-players; se jkomplu t-testijiet Bio-mechanical u fin-nurseries se jsiru programmi ta’ għarfien dwar id-doping.
Clyde Puli qal li dan l-investiment jingħaqad ma’ investimenti kbar li l-Gvern għamel matul din il-leġiżlatura biex verament jinvesti fil-futur tant li fl-aħħar 5 snin, bi sħab mal-MFA, saru u qed isiru 52 ground tal-football biex t-tfal ikollhom faċilitajiet mill-aqwa fejn jitħarrġu. Il-Gvern waqqaf wkoll l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u qassam għall-ewwel darba boroż ta’ studju fl-isport. Fakkar wkoll li l-Gvern qiegħed ukoll jagħti inċentiv fiskali lill-ġenituri li jibgħatu lil uliedhom f’nurseries.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en