MUŻIKA TAL-PROFESSUR CHARLES CAMILLERI MGĦODDIJA LILL-ARKIVJI NAZZJONALI
Waqt kunċert b’mużika tal-Prof. Charles Camilleri li sar fil-kappella tal-ex-sptar Santu Spirtu li llum jilqa’ fih l-Arkivji Nazzjonali, l-armla u ulied il-kompożitur famuż Malti, għaddew il-mużika tiegħu lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dolores Cristina, biex tinżamm, titħares u tkun aċċessibbli għall-pubbliku, fl-Arkivji Nazzjonali.
F’diskors li għamlet f’din l-okkażjoni, il-Ministru Cristina qalet li kulħadd jaqbel li l-Professur Charles Camilleri kien wieħed mill-akbar kompożituri ta’ żmienna, li kien kapaċi jagħmel użu estentiv ta’ kunċetti oriġinali li kien jaf jgħaqqad l-element primittiv tal-għana folkloristika Maltija ma’ elementi avangardisti.
Ir-reputazzjoni tiegħu kienet waħda magħrufa fuq livell internazzjonali. Ikkompona madwar 300 biċċa xogħol, b’aktar minn nofshom ġew ippubblikati u ’l fuq minn 50 minnhom ġew irrekordjati wkoll fuq CDs.
Wieħed jista’ jikkunsidra x-xogħlijiet tiegħu bħala parti mill-wirt mużikali Malti. “Għalina kien unur meta l-familja tiegħu għażlet li b’ġenerożità kbira tiddepożita, u allura wkoll tippreserva, x-xogħljiet tiegħu fl-arkivji nazzjonali. Però inħoss li aktar milli jippreservaw, inkunu aktar korretti jekk ngħidu li b’dan il-ġest qed jiffaċilitaw l-aċċess għall-mużika tal-Charles Camilleri lil ħafna studenti u mużiċisti, sew Maltin kif ukoll barranin, li kif nafu, għandhom interess kbir fil-mużika ta’ dan il-kompożitur Malti ta’ fama internazzjonali”, qalet il-Minisru.
F’isem il-Gvern u l-poplu Malti, il-Ministru esprimiet il-gratitudni tagħha lejn il-familja Camilleri, b’mod speċjali lejn Doris, il-mara tiegħu, li qed ikomplu jwettqu, dik li probabbli kienet il-ħolma ta’ dan il-kompożitur hekk importanti fl-istorja riċenti tal-mużika Maltija.
L-identità nazzjonali li hija minsuġa fil-mużika ta’ Charles Camilleri u dawn ix-xogħlijiet li ħalla, huma parti mill-patrimonju Malti, u għalhekk huwa unur għalina li dan issa jista jsir aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet li telgħin.
Is-sinjifikat li kollezzjoni bħal din tkun depożitata f’Arkivju Nazzjonali ġejja mill-fatt li fil-passat kien hemm impressjoni li arkivju jieħu ħsieb biss dokumenti pubbliċi u ma jidħolx f’oqsma bħal dawk ta’ mużika u ħoss. Il-fatt li l-Arkivju Nazzjonali qed jiret xogħol ta’ ismijiet kbar li tul ħajjithom iddistingwew ruħhom juri li din l-istituzzjoni qed tikseb ir-rispett li jistħoqqilha.
Barra minn hekk hu importanti, biex bħala pajjiż nagħmlu qabża ta’ kwalità, li kollezzjonijiet bħal dawn ikun mħarsa f’post fejn hemm il-garanziji meħtieġa. Il-garanziji jridu jiġu minn leġislazzjoni li tissalvagwardja li l-inizjattiva tkun permanenti; minn post li jħaddan ir-riżorsi meħtieġa ta’ nies esperti – u f’dan il-każ kien hemm bżonn mhux biss mużiċisti iżda arkivista bi jispeċjalizza fil-mużika; kif ukoll ir-rispett tas-soċjetà in ġeneral lejn dik l-istituzzjoni biex wieħed ikollu s-serħan tal-moħħ.
Din mhux l-ewwel inizjattiva fil-qasam tal-arkivji awdjo-viżivi li qed jieħu l-Arkivju Nazzjonali. Il-liġi tagħna tobbliga lill-Arkivju Nazzjonali li jippreserva dokumentazzajoni ta’ portata nazzjonali, hu x’hinu l-medium li fuqhom ikunu miġbura. F’dan il-kuntest wieħed jifhem l-inizjattiva mill-aktar utli ta’ Malta’s Lost Voices li ppreservat mużika Maltija tal-bidu tas-snin tletin.
L-istess Arkivji Nazzjonali jikkollaboraw wkoll mal-PBS u d-Dipartiment tal-Informazzjoni għaż-żamma b’mod aktar professjonali tal-arkiviji awdjo viżivi tagħhom.
Inizjattiva oħra li twettqet b’suċċess fl-Arkivju Nazzjonali kienet id-donazzjoni tal-kollezzjoni tat-tenur Paul Asciak, Malti ieħor li ddistingwa ruħu. Hu ried li d-dokumentazzjoni kollha, posters, ritratti u memorabilja jkunu fl-Arkivju Nazzjonali mhux biss għax dan joffri ħarsien professjonali, imma wkoll għaliex fi ħdan in-National Memory Project, materjal bħal dan ikun studjat. Ninsab infurmata li f’dawn il-ġimgħat stess qed isir proġett minn studenti tal-MCAST, fuq dan il-materjal tat-tenur Asciak li jinsab fl-Arkivju.
Din kienet sena oħra impenjattiva ħafna għall-Arkivji Nazzjonali. Matul din is-sena saru proġetti oħra fosthom l-iżvilupp ta’ żewġ repożitorji ġodda - wieħed fl-Għarb Għawdex u ieħor fl-iskola tal-bniet tar-Rabat, biex tkabbret il-kapaċità ta’ ħażna ta’ records. Dan għamilha possibli biex ġew depositati kollezzjonijiet oħra ta’ dokumenti bħalma huma r-rent-rolls mid-Dipartiment tal-Artijiet, dawk tal-Estethics Board tal-MEPA u d-dokumenti ta’ valur arkivistiku mill-Air Malta.
Dan ma kienx ikun possibli kieku fl-aħħar snin ma żdiedux il-ħaddiema tal-Arkivju biex illum kważi hemm il-full complement. Illum għandna aktar ħaddiema, u livell ogħla ta’ ħaddiema bi kwalifiki fl-arkivistika, fil-konservazzjoni u materji relatati. Propju din il-ġimgħa kien iffirmat ukoll Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-entità tal-Arkivji Nazzjonali li ser ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-professjonisti.
Fi tmiem id-diskors tagħha l-Ministru Cristina irringrazzjat lis-Sinjura Doris Camilleri u l-familja tagħha; lil Dr Jeannine Rizzo li assistiet lill-familja Camilleri fit-tfassil tal-kuntratt tad-donazzjoni; lil Mro. Alan Chircop u grupp ieħor żgħir ta’ nies li għenu fin-negozjati li kienu meħtieġa biex wasslu għal dan il-ftehim; lill-Arkivista Nazzjonali Charles Farrugia u lit-team dedikat tiegħu u wkoll lill-mużiċisti li ħadu sehem fil-programm interessanti u pjaċevoli tas-serata.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en