JITWAQQFU 3 KOPERATTIVI ĠODDA LI SE JKOMPLU JOĦOLQU X-XOGĦOL U L-IMPJIEGI
F’ċerimonja qasira li saret kmieni dalgħodu fil-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żghar u Konsumatur, il-Ministru Jason Azzopardi ħabbar it-twaqqif ta’ 3 koperattivi ġodda. Dawn huma l-Malta Boatmen & Mooring Services Coop Ltd, Training 4 life co-operative Ltd u l-Koperattiva Trade Trainers Ltd.
Bejniethom dawn il-koperattivi jħaddnu 32 membru ġdid. Il-Ministru Azzopardi ppreżenta ċertifikat lir-rappreżentanti tal-koperattivi u saħaq fl-importanza tal-aspett soċjali tagħhom. Qal li "dan huwa mod ieħor ta’ kif noħolqu x-xogħol u t-twaqqif ta’ dawn il-koperattivi huwa xhieda ta’ dan", sostna l-Ministru Azzopardi.
Il-Ministru saħaq li huwa fl-interess tal-Gvern li jippromwovi lis-settur tal-Koperattivi għaliex flimkien dawn iwasslu għal tkabbir ekonomiku, l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkattir ta’ aktar ġid fis-soċjetà. Għal dan il-għan, saħaq il-Ministru, huwa neċessarju li l-Gvern ikompli jħajjar u jinċentiva iżjed koperattivi jiffurmaw irwieħhom u jibnu stejjer ta’ suċċess. Saħaq li permezz tal-aħħar Budget kulħadd, inkluż il-koperattivi, se jkunu qed jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa kif ukoll minn diversi miżuri ta’ fejda. Huwa qal ukoll li bħalissa l-Bord tal-Koperattivi għaddej b’diskussjonijiet sabiex sal-aħħar tas-sena jitwaqqfu aktar koperattivi.
Il-Malta Boatmen & Mooring Services Coop Ltd tħaddan 12-il membru u se tkun qed tiffoka x-xogħol tagħha fuq il-ħall u l-irmiġġ tal-vapuri li jidħlu fil-portijiet ta’ Malta. Il-koperattiva twaqqfet minn ħaddiema tal-irmiġġ li ilhom f’dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 7 snin, u diġa qed iħaddmu l-operat tagħhom b’sistemi moderni u bi spirtu koperattiv.
Il-Koperattiva Training 4 Life li tħaddan fiha 8 membri, toffri servizz ta’ taħriġ fosthom: f’ħiliet bażiċi; kif wieħed għandu jfittex għal xogħol u fl-iżvilupp ta’ Management. Il-Membri ta’ din il-koperattivi huma kollha ex-għalliema tal-korsijiet li jsiru fil-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ. Il-koperattiva se tkompli tapplika għat-tenders sabiex tkompli tmexxi l-korsijiet li jsiru l-ETC iżda għandha l-għan ukoll li tespandi t-taħriġ tagħha fi swieq oħra.
Il-Koperattiva Trade Trainers Ltd li tħaddan fiha 14-il membru se tkun qed toffri servizzi ta’ korsijiet teoretiċi u prattiċi, fost l-oħrajn fl-industrija tal-Kostruzzjoni u fis-servizzi tekniċi. Dawn il-membri wkoll huma ex-għalliema tal-korsijiet tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ.
Il-Ministru Azzopardi spjega li n-numru ta’ koperattivi f’pajjizna bħalissa huma madwar 60 u bejniethom iħaddnu 4,601 membru. Dawn bejniethom iġġeneraw turnover ta’ 68 miljun Ewro. Il-Ministru saħaq li din hija turija ċara li dawn il-koperattivi b’mod kollettiv qegħdin joħolqu aktar xogħol, jiġġeneraw l-impjiegi u jsaħħu l-ekonomija Maltija.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en