IMNIEDI T-TIELET CARTOON BIL-KARATTRI TA’ TOMMY U ROSY
Madwar 600 tifel u tifla minn diversi skejjel f’Malta llum kellhom l-opportunità jaraw għall-ewwel darba t-tielet episodju ta’ cartoon edukattiv dwar l-Unjoni Ewropea (UE) bil-karattri Tommy u Rosy, li sar f’sala taċ-ċinema f’San Ġiljan. Il-karattri nħolqu fl-2009 mill-MEUSAC bħala parti minn proġett finanzjat mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li t-tfal ikunu iktar infurmati bil-messaġġi li trid tgħaddi l-UE.
Il-proġett jifforma parti minn ftehim ta’ erba’ snin bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea, imsejjaħ Ftehim ta’ Ġestjoni (bl-Ingliż Management Partnership) li permezz tiegħu jitwettqu miżuri ta’ informazzjoni dwar l-UE li jkunu ġew miftiehma bejn il-Gvern, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew. Matul dawn l-aħħar erba’ snin, il-MEUSAC wettaq sensiela ta’ attivitajiet b’tagħrif dwar x’qed tagħmel l-UE f’diversi oqsma b’finanzjament mill-Kummissjoni Ewropea.
S’issa kienu nħolqu żewġ cartoons li fihom Tommy u Rosy kienu tfal. Issa, fit-tielet episodju dawn kibru u saru teenagers, bl-episodju jkompli jibni fuq dak tas-sena l-oħra. Se jiżdiedu wkoll karattri oħra, fosthom Peppi, li fil-cartoon għandu rwol prinċipali li jinkoraġġixxi lit-tfal jieħdu sehem fil-proġett tiegħu li jirrifletti l-politika tal-UE dwar sostenibilità u bilanċ fl-aspetti soċjali, ambjentali, agrikoli u edukattivi. Għandha rwol importanti wkoll omm Tommy u Rosy li tħeġġiġhom biex iħajru lil sħabhom jieħdu sehem fil-proġett.
Permezz ta’ dan il-cartoon b’mod divertenti jitwasslu messaġġi lit-tfal li l-UE qed tixpruna proċess ta’ tibdil intenzjonat li jispira lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar biex jibnu futur sostenibbli, mhux biss għalihom imma wkoll għal pajjiżi u ġenerazzjonijiet differenti.
Matul il-ġimgħat li ġejjin se jitqassam ktieb b’xejn bil-karattri ta’ Tommy u Rosy fil-klassijiet tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-iskejjel primarji tal-Gvern, tal-Knisja u dawk Indipendenti, filwaqt li l-cartoon se jixxandar fuq it-televiżjoni fil-btajjel tal-Milied fuq l-istazzjonijiet TVM, ONE u NET. Anke fil-ħarġa ta’ Diċembru tar-rivista Sagħtar it-tfal isibu poster u bookmarks ta’ Tommy u Rosy.
F’messaġġ qasir tal-okkażjoni lit-tfal preżenti, l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja fisser kemm hu importanti li anke l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar jifhmu aħjar id-dinja ta’ madwarna u juru solidarjetà ma’ sħabhom u ma’ dak kollu li hawn madwarhom biex finalment id-dinja tagħna tkun aħjar. Hu fisser kif fl-aħħar mill-aħħar anke l-ħidma tal-politiku hi li jara li d-dinja ta’ madwarna tkun aħjar, inkluż fl-iskejjel, fil-familja u fil-kuntest soċjali u ambjentali li fihom ngħixu.
Min-naħa tiegħu, Dott. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, fisser kif il-karattri ta’ Tommy u Rosy saru popolari fost it-tfal u li permezz tagħhom, it-tfal jistgħu jħossu iktar li huma parti minn din l-Unjoni ta’ iktar minn ħames mitt miljun persuna.
Is-Sur Martin Bugelli, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, saħaq fuq l-importanza li tibqa’ tingħata informazzjoni dwar l-UE lil setturi differenti u b’modi differenti, “Kulħadd għandu jintlaħaq bl-eqreb mod għalih, u Tommy u Rosy wrew li huma ideali biex l-informazzjoni tkun aċċessibbli wkoll għat-tfal”.
Dott. Peter Agius, il-Kap tal-Uffiċċju għall-Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta qal li l-informazzjoni li nieħdu mis-sorsi differenti dwar l-Ewropa twassal sabiex neżerċitaw l-ogħla dritt tagħna li nipparteċipaw fid-demokrazija Ewropea billi ngħidu tagħna u nagħżlu lil min jirrappreżentana.
Għada, il-cartoon ta’ Tommy u Rosy se jintwera wkoll f’Għawdex lil madwar 150 tifel u tifla f’ċinema fir-Rabat, Għawdex.
Minbarra l-kampanja Tommy u Rosy, permezz ta’ dan il-ftehim ta’ Ġestjoni, din is-sena l-MEUSAC wettaq kampanja pubbliċitarja u konferenza dwar is-Sena Ewropea għall-Anzjanità Attiva u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, żewġ seminars għall-kunsilli lokali u għall-għaqdiet mhux governattivi b’rabta mal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ukoll ħa sehem f’numru ta’ attivitajiet bħalma huma Festa Tfal u Żigużajg li matulhom tqassam materjal promozzjonali lill-pubbliku dwar il-ħidma tal-UE.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en