IL-PORTAL TA’ INFORMAZZJONI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ DESKRITT BĦALA PRATTIKA TAJBA FIL-ĦIDMA FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ MILL-UNJONI EWROPEA
- Malta tkompli toħloq aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex tilqa’ għall-isfidi internazzjonali -
Is-servizz ta’ informazzjoni liż-żgħażagħ Maltin permezz ta’ portal nazzjonali mniedi minn Aġenzija Żgħażagħ kien deskritt bħala prattika tajba (good practice) fil-ħidma fost iż-żgħażagħ. Dan ħareġ minn Rapport Konġunt dwar l-implimentazzjoni tal-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ li kien addottat aktar kmieni dalgħodu mill-Kunsill tal-Ministri taż-Żgħażagħ tal-Unjoni Ewropea fi Brussell u li għalih attenda l-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport.
Dan ir-rapport evalwa x-xogħol li sar minn kull pajjiż membru fil-qasam taż-żgħażagħ fl-aħħar 4 snin skond l-istrateġija għaż-żgħażagħ tal-UE “Investing and Empowering” li kienet ippubblikata f’April 2009.
Matul din il-laqgħa il-Ministri Ewropej iddiskutew ir-realtajiet ġodda li qed jiffaċjaw iż-żgħażagħ konsegwenza tal-kriżi ekonomika globali, fosthom l-isfidi u l-opportunitajiet minn żieda fil-mobilità fost iż-żgħażagħ li ġabet magħha din il-kriżi.
L-Onor. Puli saħaq li s-suċċess tal-politika li tindirizza dawn ir-realtajiet jiddependi fuq il-kapaċità tal-pajjiżi membri li joffru solidarjetà soċjali u impenn biex tiżdied il-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni taż-żgħażagħ kollha.
Huwa qal li ż-żieda tal-mobilità taż-żgħażagħ fl-Ewropa, qed tagħmel il-kunċett ta’ empowerment aktar importanti minn qatt qabel. Clyde Puli tenna li Aġenzija Żgħażagħ waqqfet il-Youth Empowerment Programme li qed iservi bħala mezz fejn iż-żgħażagħ jingħataw l-għodod sabiex jifhmu l-kwistjonijiet li qed jinfluwenzawlhom il-kwalità tal-ħajja tagħhom u li jagħtuhom is-setgħa sabiex jieħdu azzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Puli qal li l-għan hu li jinħoloq ambjent ta’ tagħlim non-formali li jippermetti liż-żgħażagħ jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, isiru ċittadini aktar attivi u jidentifikaw u jiżviluppaw il-potenzjal kreattiv tagħhom permezz ta’ proġetti differenti amministrati minn Aġenzija Żgħażagħ u partijiet interessati oħra f’dan il-qasam.
Matul din il-laqgħa, ġew addottati ukoll konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u ta’ rappreżentanti tal-Gvernijiet ta’ Stati Membri dwar il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ b’mod partikolari dawk iż-żgħażagħ li jgħixu f’pajjiż Ewropew ieħor flok pajjiżhom.
Dawn iż-żgħażagħ joffru sfidi akbar lill-pajjiż li jkunu qed jgħixu fih biex jiġu inklużi fis-soċjetà. Għalhekk inħass il-bżonn biex kull pajjiż isib modi effettivi biex jgħinu lil dawn iż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod sħiħ kemm fuq livell ekonomiku, soċjali u kulturali.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en