IMNEDIJA TLIET DOKUMENTI DWAR IL-PROFESSJONI TAL-PSIKOLOGI
L-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja ippresieda t-tnedija ta’ tliet dokumenti dwar il-professjoni tal-psikologi li tfasslu mill-Malta Psychology Professions Board. It-tliet dokumenti jitrattaw l-etika, l-iżvilupp professjonali kontinwu u l-kompetenzi tal-psikologi filwaqt li jieħdu nota tal-kuntest lokali li fih jaħdmu.
Filwaqt li faħħar il-ħdima tal-bord imwaqqaf mill-Gvern biex iġib flimkien lil diversi psikologi li jaħdmu f’pajjiżna, il-Ministru Chris Said qal li d-dokumenti mnedija jipprovdu gwida u standards għall-imġieba professjonali tal-psikologi skont il-liġi li tirregola l-att dwar il-professjoni bil-għan li l-kwalita’ tas-servizzi f’dan il-qasam f’pajjiżna tkompli titjieb.
Huwa semma’ kif id-dokumenti tfasslu b’konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tal-psikologi li huma rreġistrati mal-Malta Psychology Professions Board kif ukoll mal-pubbliku in ġenerali u ma’ psikologi b’mod partikolari.
Huwa fisser kif il-psikologi fit-twettieq ta’ ħidmiethom jgħinu persuni bi problemi psikologiċi bil-għan li jgħinuhom itejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom. Il-Gvern ħadem bis-sħiħ biex jippromwovi l-eċċellenza u prattiċi etiċi fix-xjenza, l-edukazzjoni u l-applikazzjonijiet prattiċi tal-psikoloġija u hu kommess li jara li servizzi psikoloġiċi f’pajjiżna jkunu aċċessibli għal dawk kollha li jeħtiġuhom.
Id-dokument li jitratta l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-psikologi jsemmi l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja u joħloq standards li għandhom jintlaħqu mill-psikologi biex jibqgħu jilħqu livell ta’ eċċellenza fil-prattika u fl-etika ta’ xogħolhom. Minn żvilupp professjonali kontinwu jgawdu l-psikologi nfushom imma wkoll il-pazjenti u s-soċjeta’ b’mod ġenerali.
It-tieni dokument jitratta kompetenzi meħtieġa għall-psikologi u l-iskrutinju li jsir mill-bord stess biex psikologu jakkwista l-warrant li jippermettilu jaħdem f’pajjiżna.
It-tielet dokument jitratta prattiċi etiċi għall-psikologi bi standard etiku għoli fl-imġieba tal-professjonisti li għandhom jitqiesu bħala linji-gwida fil-kuntest lokali.
F’pajjiżna bħalissa hawn 110 psikologu b’warrant.
It-tliet dokumenti jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku www.mppb.gov.mt.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en