IL-GVERN JKOMPLI JINVESTI FIS-SETTUR EDUKATTIV U FIT-TAĦRIĠ TAL-GĦALLIEMA
- Żdiedu l-allowances tal-għalliema u sar investiment fl-iżvilupp u t-taħriġ tagħhom
- In-nefqa tal-Gvern fl-edukazzjoni hija ogħla mill-medja Ewropea
- Malta għandha l-ogħla persentaġġ ta’ studenti li jitkellmu t-tieni lingwa
- Malta għandha t-tieni l-aħjar rata fl-Unjoni Ewropea tal-gradwati li jsibu impjieg
F’Malta qed inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tal-għalliema billi nsaħħu l-opportunitajiet ta’ taħriġ u l-ambjent li fih qed jaħdmu. Hekk saħaq l-Onor. Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport meta dalgħodu indirizza laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Matul din il-laqgħa kien diskuss ukoll ir-rwol tal-edukazzjoni, bħala għodda biex tgħin l-UE toħroġ mill-kriżi internazzjonali u tilħaq l-objettivi għall-2020. F’dan il-kuntest kien diskuss ukoll il-mod kif tista’ tkompli titjieb il-kwalità tal-għalliema. Il-Ministri Ewropej qablu li l-investiment fl-għalliema għandu jimxi id f’id ma’ investiment ieħor importanti fis-settur tal-edukazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari qal li minkejja l-kriżi ekonomika u finanzjarja, pajjiżna baqa’ jinvesti fl-edukazzjoni u fl-għalliema. Huwa fakkar kif l-għalliema Maltin qed jitħallsu allowances ogħla wara ftehim mal-MUT. Huwa spjega wkoll li d-daqs tal-klassijiet u teaching loads ma żdiedux u r-rata ta’ supply teachers hija biss ta’ madwar 3%.
Puli tenna li t-taħriġ u l-żvilupp professjonali tal-għalliema flimkien ma’ tisħiħ, ta’ riżorsi ta’ tagħlim u ambjent skolastiku aħjar għandhom jgħinu biex ikun hemm ritenzzjoni akbar ta’ għalliema fis-sistema edukattiva.
Matul din il-laqgħa il-Ministri tal-Edukazzjoni Ewropej iddiskutew il-bżonnijiet ta’ riformi soċjali u ekonomiċi fosthom dawk edukattivi li qed tgħaddi minnhom l-Ewropa hi u toħroġ mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. Fost it-temi diskussi matul il-laqgħa ta’ dalgħodu l-Presidenza provdiet informazjoni dwar in-negozjati li għaddejjin fil-Parlament Ewropew dwar il-proposta li mistennija toħoloq il-programm ‘Erasmus for All’. ‘Erasmus for All’ se jkun qed jindirizza diversi oqsma fosthom l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Dan il-programm se jkun qed jiffoka fuq il-mobbiltà fit-taħrġ tal-istudenti, żgħażagħ u għalliema; il-koperazzjoni għall-innovazzjoni u prattiċi tajba bejn istituzzjonijiet edukattivi u sapport għal riforma fil-politika tal-edukazzjoni. Waqt din il-laqgħa kienu diskussi wkoll il-Konkluzjonijiet tal-Kunsill dwar il-litteriżmu li jsejħu għal pjan li jindirizza dan il-qasam billi jtejjeb il-livelli ta’ litteriżmu fl-Istati Membri. Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri ġiet diskussa ukoll il-Proposta għal Rakkomandazzjoni dwar il-Validazzjoni ta’ taħriġ mhux formali u informali fejn Malta hija waħda mill-ftit Stati Membri li diġà biet taħdem fuq strateġija f’dan ir-rigward.
Is-Segretarju Parlamentari żied li jeħtieġ li l-mudell ta’ in-service training jinbidel minn wieħed immexxi minn min iħaddem għal wieħed immexxi mill-ħaddiema infushom fejn l-għalliema professjonali jieħdu aktar responsabbiltà tal-iżvilupp professjonali tagħhom.
Fit-tmiem il-laqgħa l-Kummissjoni ipprezentat ukoll il-Komunikazzjoni li ġiet adottata riċentement dwar ’Rethinking Education: Investing in skills for better socio-economic outcomes’. Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni il-Kummissjoni qed tniedi strateġija ġdida sabiex l-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata sabiex jiżguraw li ż-żgħażagħ jizviluppaw ħiliet u kompetenzi li huma neċessarji fis-suq tax-xogħol. Ta’ min jinnota li din il-Komunikazzjoni tinkorpora rapporti dettaljati (kif ukoll l-Education Monitor) dwar kull Stat Membru. B’mod importanti r-rapporti ifaħħru il-progress li għamlet Malta fil-qasam tal-edukazzjoni u juri li f’ħafna oqsma edukattivi Malta qiegħda f’pożizzjoni aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Fost l-oħrajn ir-rapport juri li: In-nefqa ta’ Malta fl-edukazzjoni hija ogħla mill-medja Ewropea; ir-rikonoxximent tal-progress ta’ Malta fit-tnaqqis tar-rata tal-Early School Leavers fis-snin li għaddew; Malta għandha l-ogħla percentaġġ ta’ studenti li jitkellmu t-tieni lingwa; Malta għandha t-tieni l-aħjar rata fl-Unjoni Ewropea tal-gradwati li jsibu impjieg.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en