IL-GVERN JGĦIN LILL-FAMILJI LI JAGĦTU FOSTERING SPEĊJALIZZAT
Il-Gvern qiegħed jgħin lill-familji u individwi li jagħmlu fostering speċjalizzat billi jipprovdilhom taħriġ u għajnuna finanzjarja li tagħtihom appoġġ fil-missjoni tagħhom. Is-servizz, imsejjaħ Specialized Home-Based Care Services li ġie introdott din is-sena, jifforma parti mill-Out-of-Home Care Programme.
Dan is-servizz huwa maħsub biex jagħti opportunità lil dawk it-tfal u żgħażagħ li għandhom bżonnijiet partikolari u li, sal-lum, għadhom ma ġewx akkomodati f’fostering mainstream jew faċilitajiet residenzjali. L-għan huwa biex dawn it-tfal u żgħażagħ ikollhom lil xi ħadd li jieħu ħsiebhom f’ambjent fil-familja. Jgħodd ukoll għal dawk li diġà għandhom lil xi ħadd jieħu ħsiebhom iżda jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex jilħqu l-bżonnijiet tagħhom. Ħafna drabi dawn it-tfal u żgħażagħ ikunu jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba sfidi diffiċli u individwali.
Kienu 22 fl-ewwel grupp li aċċettaw din l-isfida. F’laqgħa magħhom, l-Onor. Chris Said, Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja ppreżenta għajnuna finanzjarja mill-Gvern biex jgħin lil dawn il-ġenituri jtaffu ftit mill-ispejjeż li jidħlu għalihom meta jaċċettaw li jagħtu fostering lil dawn it-tfal bi ħtiġijiet partikolari.
Il-programm huwa wieħed imniedi iktar kmieni din is-sena minn Aġenzija Appoġġ u jista’ jwassal biex tfal igawdu minn specialised fostering għal perjodu varjat ta’ żmien, minn perjodu qasir sa żmien twil. Dan jista’ jsir kemm minn qraba tat-tfal propja nkella minn foster parents li ma jkunux marbuta magħhom b’parentela. F’kull każ il-ġenituri jiġu mitluba jikkommettu rwieħhom sa mhux inqas minn sena u nofs.
It-tfal li jistgħu jgawdu minn specialised fostering irid ikollhom seba’ snin jew iktar, sakemm ma jkunux ma’ xi ħadd minn ħuthom ta’ iktar minn seba’ snin, u li batew minn xi forma ta’ abbuż jew abbandun jew b’passat diffiċli fil-familja. Il-programm jagħti kenn ukoll lil ġenituri ta’ età żgħira bi tfal f’każijiet partikolari, u jinkludi wkoll lil tfal li jsofru minn mard inkella diżabilità.
Il-ġenituri li jaċċettaw li jagħtu familja lil dawn it-tfal u li jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibilità jingħataw qafas sħiħ ta’ appoġġ min-naħa tal-Gvern permezz ta’ Aġenzija Appoġġ inkluż taħriġ speċjalizzat.
Il-Gvern jgħin finanzjarjament ukoll lil dawn il-familji billi minbarra l-benefiċċju Child in Care ta’ €3,640 fis-sena, li jingħata lil dawn il-ġenituri u li minnu nnifsu huwa rata ferm ogħla minn dik taċ-children’s allowance, jagħti benefiċċju ieħor ta’ €3,360 għal total ta’ €7,000 kull tifel jew tifla fis-sena jekk il-ħtiġijiet tal-fostering ikunu meqjusa bażiċi.
F’każ li dawn ikunu meqjusa iktar minn bażiċi, il-familja tingħata €3,000 oħra kull tifel jew tifla fis-sena għal total ta’ €10,000 kull tifel jew tifla fis-sena.
Dan minbarra għajnuna oħra fosthom appoġġ bit-telefon fuq bażi ta’ 24 siegħa, servizzi minn tim sħiħ ta’ professjonisti għat-tifel jew tifla li jgawdu minn specialised fostering kif ukoll għall-ulied naturali tal-familja, servizzi psikoloġiċi, psikjatriċi, ta’ xogħol u ta’ edukazzjoni.
Filwaqt li wera apprezzament għas-servizz u l-imħabba kbira li qed jagħtu dawn il-ġenituri lil tfal li ġew afdati lilhom, il-Ministru Chris Said fisser kif il-Gvern irid ikompli jaħdem fuq dan il-programm speċjalizzat biex ikompli jgħin lill-individwi u familji li qed jagħmlu minn kollox biex jagħtu dak kollu meħtieġ lil tfal u żgħażagħ fil-bżonn. Huwa saħaq li l-Gvern qiegħed jinvesti f’dan it-tip ta’ servizz għaliex irid li s-soċjetà turi rispett u valuri lil kull tifel u tifla biex il-pajjiż jasal fi stat li verament jagħti l-possibiltà lil kull tifel u tifla biex jilħaq il-potenzjal tiegħu.
Huwa qal li l-Gvern huwa kommess li jaħdem biex iktar tfal li ma jistgħux jgħixu mal-familja naturali tagħhom jagħmlu dan f’familji oħra inkella jiġu adottati, filwaqt li jżommu kuntatt mal-familja naturali fejn hu possibbli, biex anke dawn it-tfal ikollhom kwalità ta’ ħajja dejjem aħjar, li tirrispetta d-drittijiet, id-dinjità, il-ħtiġijiet u x-xewqat ta’ kull tifel u tifla.
B’kollox f’Malta bħalissa hawn 257 tifel u tifla li jinsabu f’197 familja foster, uħud minnhom taħt dan il-programm speċjalizzat u l-oħrajn f’sistemazzjoni ta’ fostering tradizzjonali.
Persuni li jixtiequ jagħtu familja lil tfal bi ħtiġijiet partikolari fuq bażi ta’ fostering u/jew specialised fostering skont il-każ huma mħeġġa jikkuntattjaw lil Aġenzija Appoġġ fuq in-numru tat-telefon 2702 8700 inkella permezz ta’ e-mail fuq outofhome.appogg@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262028
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Malta ttenni l-...
PR262027en