STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
• Residenti f’Marsaskala, Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun se jibbenefikaw mill- elettriku ġġenerat mill-iskart
• Il-Fondazzjoni Inspire wkoll qed tibbenefika minn enerġija alternattiva ġġenerata fl-Impjant ta’ Sant’Antnin
Il-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali l-Onor. George Pullicino llum nieda skema msejjħa “Good Neighbourhood” li permezz tagħha d-djar li huma f’ċirku ta’ raġġ ta’ 1.5 km mill-Kumpless Ambjentali ta’ Sant’Antnin kull sena jingħataw lura parti mill-enerġija nadifa li issa qed jiġġenera l-istess Impjant.
Il-Ministru Pullicino qal li hu stmat li madwar 3,000 dar, ekwivalenti għal madwar 7,000 resident, se jibbenefikaw minn din l-iskema. Il-familji eliġibbli fil-ġimgħat li ġejjin se jirċievu ċekk li jista’ jissarraf mal-kont tad-dawl li jmiss u/jew jiġi kkreditat fuq il-kont tal-ARMS tagħhom. Il-benefiċċju, li ġie stabbilit ta’ 150 units għal kull persuna reġistrata fl-indirizz, hu limitat għal residenzi privati permanenti bi prezz ta’ 0.16c għal kull unit. Bħala eżempju, dan ifisser li kull sena familja ta’ 4 persuni se tkun intitolata għal 600 unit ta’ elettriku li jissarfu f’ċekk ta’ €96.
Il-Ministru Pullicino rringrazzja lill-familji Maltin tal-isforzi kollha tagħhom fejn fehmu l-bżonn u l-importanza li jisseparaw l-iskart. Hu rringrazzja wkoll lir-residenti tal-madwar li llum japprezzaw li din it-teknoloġija hi għal ġid tal-komunita’. Il-Ministru Pullicino qal ukoll li bl-enerġija nadifa, qed inħarsu saħħitna u nħarsu l-ambjent u għalhekk b’dan l-impjant li qed jiġġenera l-enerġija nadifa qed igawdi kulħadd, ‘dan hu nvestiment f’saħħitna’ temm jgħid il-Ministru Pullicino.
L-enerġija nadifa qed tiġi ġġenerata fl-Impjant ta’ Sant’Antnin permezz ta’ proċess ta’ trattament ta’ skart organiku. Permezz ta’ dan il-proċess ta’ diġestjoni anerobika, l-iskart organiku jgħaddi minn trattament ta’ stabilizzazzjoni ġo tankijiet magħluqa u jiġi prodott l’hekk imsejjaħ Biogas li jintuża għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, kemm enerġija elettrika kif ukoll is-sħana. Filwaqt li l-elettriku jgħaddi fil-grid nazzjonali, u għaldaqstant din l-enerġija tikkontribwixxi għat-targets li għandna Malta fil-qasam tal-enerġija alternattiva, is-sħana qed tintuża wkoll għall-proġett importanti li qed issir b’kollaborazzjoni bejn il-WasteServ u l-fondazzjoni Inspire.
Permezz ta’ dan il-‘Heat Transfer Project’ l-enerġija ġġenerata mill-iskart qed tintuża biex issaħħan il-pixxina tal-fondazzjoni Inspire kif ukoll għall-calorifier. L-impjant ta’ Sant’Antnin u ċ-ċentru tal-Inspire ġew konessi permezz ta’ katusi b’tul ta’ żewġ kilometri, filwaqt li ġie nstallat ukoll tagħmir ieħor bħal Building Management System għall-monitoraġġ tas-sistema. B’kollox dan il-proġett ġie jiswa € 345,000 li kienu finanzjati minn fondi lokali.
Il-Perit Ben Farrugia, Chairman tal-WasteServ, qal li “Aħna ferħanin u kburin li dan il-proġett intagħżel mill-Kummissjoni Ewropea biex tirrappreżenta lil Malta fil-kampanja ‘Dinja li togħġbok, bi klima li togħġbok’. Din il-kampanja tiġbor fiha 27 storja ta’ suċċess fl-ambitu tat-tibdil fil-klima minn madwar l-Ewropa, u huwa tassew ta’ unur kbir li ntagħżilna minn fost proġetti oħrajn ta’ pajjiżna”.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en