Left arrow Go Back

L-INVESTIMENT FL-EDUKAZZJONI QED JIRRIŻULTA F’IMPJIEGI ĠODDA TAJBIN

pr2560
Date Icon 21/11/2012

Il-Ministri Dolores Cristina u Tonio Fenech dalgħodu ltaqgħu ma’ numru ta’ żgħażagħ li qed jipparteċipaw fil-programm Youth.Inc li jagħtihom il-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jintegraw fid-dinja tax-xogħol. Iż-żewġ Ministri saħqu fuq l-importanza tal-investiment fl-edukazzjoni li qed jissarraf f’impjiegi ġodda u tajbin għaż-żgħażagħ Maltin.

Youth.Inc hu programm immexxi mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi bil-kollaborazzjoni tal-ETC, li jilqa’ fih żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena li ma komplewx bl-istudji tagħhom jew għax waqfu mill-iskola sekondarja jew għax ma kisbux biżżejjed ċertifikati biex ikomplu jistudjaw.  Il-programm jilqa’ wkoll żgħażagħ bla xogħol jew b’xogħol part-time li jixiequ jtejbu l-opportunitajiet ta’ xogħol għalihom.

Il-programm jitlob mill-parteċipanti li jagħmlu 1,000 siegħa mifruxa fuq 30 ġimgħa u jiksbu kwalifika fuq Level 1 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki.  Min ikun irid ikompli għal kwalifika ta’ Livell 2 irid jagħmel programm ta’ 1,500 siegħa mifruxa fuq 44 ġimgħa.  Iż-żewġ programmi huma maqsuma f’erba’ fażijiet li jinkludu sessjonijiet ta’ Life Skills, Malti, Ingliż, Matematika, Teknoloġija tal-Informatika u taħriġ vokazzjonali prattiku.

L-istudenti li jattendu għal dan il-programm jieħdu l-istipendju bħal studenti li jmorru l-MCAST jew l-Iskola Sekondarja Ogħla.

Kull grupp ta’ studenti jkollu miegħu Youth Support Worker li jibni relazzjoni ta’ fiduċja ma’ kull student u jgħinhom jiksbu l-akbar vantaġġ minn din l-opportunità.  Barra minn dan ikun hemm ukoll Social Workers li jgħinu lill-istudenti fl-iżvilupp soċjali u personali tagħhom.

Il-Ministru Tonio Fenech qal li “Il‐politika tal-Gvern fil‐qasam tal‐edukazzjoni trid tassigura li kull persuna f’pajjiżna jkollha l‐opportunità tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha. Din il‐politika tagħraf l‐edukazzjoni u t-taħriġ bħala l‐aħjar investiment fl‐ekonomija u l‐kompettività ta’ pajjiżna.

“Surveys regolari fost min iħaddem jindikaw li l-kwalità tal-ħaddiem Malti hi fost l-aqwa raġunijiet għaliex jagħżlu li jinvestu Malta. Imma nagħrfu li qatt ma nistgħu ngħidu li għamilna biżżejjed.” Huwa sostna li hemm rabta diretta bejn l-investiment b’saħħtu fil-qasam edukattiv u l-kisbiet ta’ pajjiżna fil-qasam tax-xogħol, fejn illum għandna l-5 lanqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa.

Tonio Fenech qal li x-xogħol li qed jinħoloq f’pajjiżna – għalkemm hu xogħol ta’ kwalità aħjar – joffri opportunitajiet lil kulħadd, fi skala differenti ta’ kapaċitajiet. Dan hu proprju l-iskop ta’ Youth Inc, dedikat għal żgħażagħ bejn 16 u 21 li ma rnexxilhomx ikomplu l-istudji tagħhom għaliex waqfu jew sempliċiment ma kisbux il-kwalifiki neċessarji. Huwa mmirat ukoll għaż-żgħażagħ li jaħdmu part-time però jixtiequ opportunitajiet ta’ xogħol aħjar. L-istudenti li jattendu hawnhekk ukoll jgawdu minn stipendju.

Tonio Fenech temm jgħid li l-Gvern se jibqa’ jqis l-edukazzjoni bħala investiment kruċjali fil-futur ta’ pajjiżna, fil-futur ta’ uliedna. Dan hu frott politika ekonomika u finanzjarja b’saħħitha, u se tibqa’ konsiderazzjoni importanti fil-Budget 2013.

Il-Ministru Cristina qalet li l-iskema bħalissa hemm fiha 82 persuna li minnhom 63 bdew il-programm f’Ottubru li għadda. Fl-ewwel sentejn kien hemm 28 persuna li sabu impjieg permanenti wara li għamlu dan il-programm.  21 akkwistaw ċertifikat ta’ Level 1 u seba’ oħra waslu sa Level 2.

Tkellmet ukoll dwar id-diversi servizzi li d-Direttorati tal-Edukazzjoni joffru għal tfal vulnerabbli li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim biex dawn ikollu jiksbu l-ħiliet meħtieġa u jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom. Dawn is-servizzi u programmi issa kienu estiżi wkoll permezz ta’ programmi apposta fl-MCAST u l-ITS u anke permezz tal-programm Youth.Inc

Hi rreferiet għal rapport li ħareġ il-bieraħ mill-Unjoni Ewropea li jpoġġi lil Malta fuq quddiemnett fil-qasam tal-Edukazzjoni u l-qasam tax-xogħol.

Il-Ministru Cristina qalet li parti mill-binja ta’ Umberto Colosso ġiet irranġata biex tkun tista’ tilqa’ fiha kemm l-istudenti kif ukoll it-tmexxija tal-Youth.Inc u l-uffiċċji tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.

Barra minn dan, f’din il-binja kien trasferit iċ-ċentru tad-Design & Technology tad-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-istudenti li qed jattendu il-Youth.Inc se jkunu jistgħu jużaw ukoll l-apparat u l-esperjenza ta’ din it-taqsima speċjalizzata.

Hemm il-ħsieb ukoll li f’parti oħra ta’ dan il-post jinfetaħ Youth Cafè immexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ li fih ikunu jistgħu jattendu wkoll iż-żgħażagħ li huma msieħba fil-Youth.Inc

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

More Press Releases Right arrow