MALTA BL-AKBAR RATA TA’ TNAQQIS FL-EWROPA TA’ DAWK LI JITILQU KMIENI MILL-ISKOLA
Ċertifikat ieħor għal Malta fl-Edukazzjoni
Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ tnaqqis fin-numru ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni, fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ mill-“Education and Training Monitor 2012”, maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea.
Ir-rapport ifaħħar il-progress li għamlet Malta fil-qasam tal-edukazzjoni u juri li f’ħafna oqsma edukattivi Malta qegħda f’pożizzjoni aħjar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-rapport li jagħti stampa ċara ta’ x’inhu jiġri fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fil-qasam edukattiv u t-taħriġ għandu l-iskop li jservi ta’ għodda ta’ analiżi għall-Unjoni Ewropea biex tara kif l-Istati Membri tagħha qed jimxu lejn il-miri edukattivi skont il-qafas strateġiku tal-EU sal-2020.
- Ir-rapport juri li in-nefqa ta’ Malta fl-edukazzjoni (5.46% tal-GDP) hija ogħla mill-medja Ewropea (5.41% tal-GDP);
- Malta hija l-aqwa fl-Ewropa fir-rigward ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għal min huwa Early School Leaver. B’hekk f’pajjiżna, anke minn għandu kwalifiki bażiċi qed jirnexxielu jsib xogħol;
- L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-progress ta’ Malta biex tnaqqas ir-rata tal-Early School Leavers fis-snin li għaddew. Il-progress ta’ Malta huwa kkonfermat minn analiżi li tidher fir-rapport li turi li, minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, Malta l-aktar li kellha tnaqqis fir-rata ta’ Early School Leavers (grafika annessa);
- Wara studju li fih ħa sehem ukoll l-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika (NSO), Malta se tibda tuża kejl tal-Early School Leavers li jqarreb aktar lejn il-kejl użat minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Skont dan il-kejl ir-rata tal-Early School Leavers ta’ Malta għall-2011, niżlet għal madwar l-24.5%.
- Ir-rapport ifaħħar ukoll il-miri ta’ Malta fir-rigward tat-tertiary education attainment, jiġifieri r-rata ta’ suċċess fi ksib ta’ kwalifika terzjarja. F’dan ir-rigward, Malta stabbiliet mira li sal-2020, 33% tal-popolazzjoni tal-etajiet bejn il-30 u 34 sena jkollhom kwalifika terzjarja;
- Ir-rapport juri li fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, Malta għandha l-ogħla perċentaġġ ta’ studenti li jitkellmu it-tieni lingwa (82% jitkellmu l-Ingliż); u għandha wkoll fost wieħed mill-ogħla perċentaġġi ta’ studenti li jitkellmu ukoll it-tielet lingwa b’mod tajjeb ħafna (50%);
- Ir-rapport juri li f’Malta l-istudenti għandhom ukoll għarfien tajjeb f’dawk li huma Civic Competences, jiġifieri f’dak li għandu x’jaqsam mad-demokrazija, il-ġustizzja soċjali u l-valuri ċiviċi;
- Malta ukoll għandha s-sitt l-akbar perċentaġġ ta’ studenti li jagħżlu li jagħmlu kors ta’ edukazzjoni ogħla f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea; u għandna wkoll it-tielet l-akbar perċentaġġ ta’ studenti li jagħmlu xi tip ta’ skambju f’istituzzjoni ta’ tagħlim f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. Malta għandha fost l-aħjar perċentaġġi ta’ inbound mobility fl-edukazzjoni ogħla, jiġifieri ta’ studenti barranin li jiġi jagħmlu kors jew skambju f’Malta;
Long-term development fit-tnaqqis fir-rata ta’ Early School Leavers
(Education and Training Monitor, 2012, p.58)

Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en