DISKORS MILL-ONOR. JASON AZZOPARDI, MINISTRU GĦALL-KOMPETIZZJONI ĠUSTA, NEGOZJI ŻGĦAR U L-KONSUMATUR FIL-KONFERENZA GĦAN-NOTARJAT DWAR L-EMENDI GĦALL-ATT DWAR IL-PROFESSJONI NUTARILI U L-ARKIVJI NUTARILI
President tal-Kunsill Nutarili, Dr Clinton Bellizzi,
Mistiedna distinti,
It-tibdil li bħalissa għaddejja minnu l-professjoni Nutarili huwa xhieda tal-importanza tal-professjoni għall-Istat, is-Socjetà u għaċ-ċittadin in ġenerali. Il-fiduċja hija l-element ewlieni li tikkaraterizza l-Professjoni Nutarili. In-Nutar bħala Uffiċjal Pubbliku huwa estensjoni tal-istat, u allura, hija ħaġa mill-aktar naturali li l-istat jirriponi fil-professjoni Nutarili l-akbar fiduċja. Min-naħa tiegħu, l-Istat jistenna korp ta’ professjonisti preparat, moralment rett u etikament sod. Il-fiduċja li l-istat – u s-soċjetà in ġenerali - jirriponu fin-Nutar għandha tkun l-ogħla u l-għeżeż valur għal kull Nutar prattikanti.
Ir-riformi li se jiġu fis-seħħ, kien ilu jinħass il-bżonn għalihom u l-Kunsill Nutarili mexa id f’id flimkien mal-amminstrazzjoni sabiex jitwettqu. Bosta mill-emendi fl-att 24 tal-2011 u r-regolamenti fl-Avviż Legali 355/2012 huma konsegwenza diretta tal-workshops tal-2009 dwar ir-responsabbiltà Nutarili. Malli kont avviċinat mill-Kunsill ta’ dak iż-żmien, hekk kif kont għadni kemm ġejt nominat bħala Segretarju Parlamentari, mill-ewwel ħadt l-okkażjoni biex il-proposti tal-Kunsill jissaħħu u jitmexxew ’il quddiem. Il-Kunsill Nutarili flimkien mal-Gvern imxew id f’id biex ifasslu it-triq li fiha il-Professjoni Nutarili tieħu l-pass li jmiss biex tiżdied iċ-ċertezza, tissaħħaħ l-imparzjalità u tissostna l-indipendenza.
Billi ġew spjegati iswed fuq l-abjad l-obbligi u l-prattiċi ta' xogħol li kull Nutar għandu jsegwi fil-qadi ta' dmirijietu biex titkattar iċ-ċertezza ġuridika intrinsikament marbuta max-xogħol Nutarili; dawn l-emendi jiżguraw illi x-xogħol u r-responsabbiltà ta’ kull Nutar, għall-ewwel darba, huma definiti b’mod ċar u inekwivokabbli f’regolamenti mfassla biex l-uniformità u konsistenza fil-kwalità tax-xogħol ta’ kull Nutar tkun garantita. Ir-rapport dwar l-eżami tat-titolu, għaldaqstant iserraħ mhux biss moħħi iċ-ċittadin li jqabbad lin-Nutar iżda wkoll huwa fih innifsu assikurazzjoni għan-Nutar stess li, jekk jagħmel xogħolu skont il-parametri preskritti mil-Liġi, ħadd u xejn ma jista’ jħammarlu wiċċu. Ir-responsabilitajiet u dmirijiet tan-Nutar huma spjegati ċar fir-regolamenti u fir-rapport stess, u dan sabiex ir-relazzjoni bejn iċ-ċittadin u n-Nutar tkun aktar trasparenti u l-partijiet kollha ikollhom aktar serħan-il moħħ. Intrinsikament marbut ma’ dan, hemm l-assikurazzjoni professjonali obbligatorja li għall-ewwel darba qed tiġi introdotta f’din il-professjoni u l-kontijiet ta’ depositu Nutarili rreġistrati mal-Kunsill Nutarili. Għal darb’ohra il-gwida tal-Gvern u tal-Kunsill f’dan il-għan issalvagwardja l-interessi tas-socjetà in ġenerali u s-serħan il-moħħ tal-istess Kulleġġ Nutarili.
Permezz ta' tariffa aġġornata maż-żminijiet li tirrifletti dan kollu, din il-Professjoni se tkun ukoll imħarsa minn tentazzjonijiet ta' kompromessi imbarazzanti li jxekklu r-reputazzjoni tal-membri tal-Kulleġġ u jnaqqsu mir-rispett u l-fiduċja tas-Soċjetà in ġenerali.
Barra minn hekk, permezz tal-istess emendi qed jiġi żgurat illi s-sistema edukattiva tal-pajjiz fl-ogħla istituzzjoni tagħha, jiġifieri fl-Università ta’ Malta, tipproduċi Nutara mentalment dinamiċi, proattivi u professjonalment kompetenti. Is-sistema tal-prattika Nutarili li student jieħu qabel ma jagħmel l-eżami għall-Warrant ta’ Nutar inbidlet sostanzjalment biex tiżgura li l-korp Nutarili jkun magħmul minn membri bl-ogħla preparazzjoni possibbli.
Ittejbet ukoll l-infrastruttura legali sabiex nuqqasijiet jiġu indirizzati mill-aktar fis b'sistema ta' viżti effiċjenti amministrata mill-Kunsill u Qorti tar-Reviżjoni tal-Atti Nutarili verament funzjonanti b'poteri mġedda.
Kulhadd jaqbel illi l-maġġor parti tan-nutara huma persuni serji, affidabbli u professjonisti li ħaqqhom l-ogħla fiducja. Madankollu, b’riżultat ta’ l-emendi, qed jitnaqqsu sostanzjalment il-possibilitajiet li dawn in-nuqqsijiet ma jitilgħux fil-wiċċ jew jinqabdu meta jkun tard wisq.
Dawn il-pilastri ewlenin tal-professjoni huma proprju dak li jiddistingwi lin-Nutar minn kwalunkwe professjonist legali ieħor. Dawn l-emendi jista' jingħad li huma uħud mill-aktar importanti mis-snin 70 'il hawn u huma frott ta' ħidma u diskussjonijiet tul dawn l-aħħar snin u fil-fatt huma prova oħra ċara tal-fiduċja li l-Istat jirriponi fil-professjoni Nutarili. B’dawn l-emendi l-Gvern u l-Kunsill Nutarili riedu jsaħħu kemm il-Professjoni kif ukoll l-interess taċ-ċittadin individwali, in-negozji u s-soċjetà in ġenerali.
L-emendi qed jimmiraw għal aktar ċertezza, trasparenza u dinjità fil-qadi tad-dmirijiet tan-Nutar bħala Uffiċjal Pubbliku u professjonist legali, biex il-Professjoni tagħraf tilqa’ l-isfidi u l-aspettativi tas-soċjetà waqt li tiġġedded u tissaħħaħ il-kredibilita’ tal-Professjoni u r-rwol ta’ fiduċja li n-Nutar irnexxielu jirbaħ tul is-snin.
Grazzi ħafna.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en