TNAQQIS FL-UŻU TA’ ANTIBIJOTIĊI MINGĦAJR PRESKRIZZJONI TA’ TABIB IŻDA ĦAFNA ANTIBIOTIĊI JITTIEĦDU BLA BŻONN
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall-għarfien dwar l-antibijotiċi li ser tkun fit-18 ta’ Novembru, il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità Joe Cassar qal li filwaqt li r-rati tal-MRSA u mikrobi reżistenti bħalhom qegħdin jonqsu fl-isptar Mater Dei, ir-rati qed jiżdiedu fil-komunità. Il-kawża prinċipali huwa l-użu bla bżonn ta’ antibijotiċi f’pajjiżna. Dan qed iwassal għall-iżvilupp ta’ dawn il-mikrobi reżistenti. Huwa nkwetanti li diversi studji xjentifiċi urew li proporzjoni qawwi ta’ antibijotici f’Malta jittieħdu għal irjiħat, influenza, uġigħ fil-griżmejn u sogħla ħafifa.
Dawn huma infezzjonijiet li ħafna drabi huma kkawżati minn virus u mhux minn bacteria. Kif għadna kemm il-darba fil-passat, il-virus ma jinqatilx mill-antibijotiċi. Għalhekk meta xi ħadd jingħata antibijotiku għal riħ jew influwenza, dan ma jagħmel l-ebda ġid. Anzi, jagħmel biss ħsara għaliex jżid kemm il-possibilità ta’ side effects għal pazjent u kif ukoll ir-riskju li huwa jiżviluppa mikrobu rezistenti, bħall-MRSA, li mbagħad jista jxerrdu lil ta’ madwaru. Dan huwa l-messaġġ tal-Billboard li l-Kumitat Nazzjonali dwar l-Antibijotiċi nieda matul din il-ġimgħa.
L-Onor. Joe Cassar qal li din l-okkażjoni sservi sabiex nżommu f’moħħna l-importanza li dawn il-mediċini essenzjali jintużaw kif suppost. Li mediċina tintuża sew japplika għall-farmaċewtiċi kollha. Madanakollu l-antibijotiċi huma uniċi fost il-mediċini għaliex użu ħażin tagħhom jaffettwa mhux biss lill-pazjent iżda anki lil dawk ta’ madwaru.
Meta aħna nieħdu ħafna antibijotiċi, speċjalment jekk dawn ma jkunx hemm bżonnhom, inżidu l-possibiltà li l-mikrobi ġewwa ġisimna jsiru reżistenti. Dan ifisser li antibijotiċi ma jibqawx effettivi fuq mikrobi perikolużi li qabel kienu jaħdmu kontra tagħhom.
Din hija problema globali tant li l-Unjoni Ewropea tistma li 25,000 persuna imutu fl-Ewropa kull sena kawża ta’ infezzjoniet minn mikrobi rezistenti. Barra minn hekk, il-kura ta’ dawn it-tip ta’ infezzjonijiet tiswa lill-Ewropa medja ta’ biljun u nofs ewro fis-sena.
F’din ix-xitwa ser inkomplu naħdmu preċiżament fuq din is-sitwazzjoni sabiex infakkru lil kulħadd biex ma jagħmilx pressjoni ħalli jinghata antibijotiċi minghajr riċetta tat-tabib. Ta’ min jgħid li rajna progress kbir u kooperazzjoni qawwija mill-poplu f’dan ir-rigward. Fil-fatt, waqt li għaxar snin ilu studji xjentifiċi wrew li aktar minn 19% ta’ Maltin kienu jieħdu antibijotiċi mingħajr riċetta tat-tabib, l-aħħar studju internazzjonali wera li din iċ-ċifra issa niżlet għal 4%, li huwa l-medja tal-Unjoni Ewropea. Ovvjament aħna nixtiequ li din iċ-ċifra tkun ta’ żero u ser inkomplu naħdmu għal dan il-għan. Madanakollu huwa sodisfaċenti ħafna li tara dan il-progress qawwi għaliex ifisser li l-messaġġ tagħna qiegħed jasal.
Jekk irnexxielna nniżlu l-użu ta’ antibijotiċi mingħajr riċetta għal 4%, dan ifisser li 96% ta’ l-antibijotiċi f’pajjiżna jittieħdu wara riċetta mit-tabib. Fl-istess ħin, l-istatistika qed turi li, ras imb’ ras, Malta għandha t-tieni l-akbar użu ta’ antibijotici fl-Ewropa. Biex din is-sitwazzjoni titjieb, hemm bżonn li t-tobba wkoll jikkontribwixxu fl-isforzi nazzjonali għal użu aħjar tal-antibijotiċi f’pajjiżna.
Dr. Michael Borg, Konsulent fl-Isptar Mater Dei ppreżenta xi riżultati mill-Eurobarometer dwar l-għarfien tal-Maltin fuq l-antibijotiċi. Hu saħaq fuq l-importanza ta' kif wieħed juża l-antibijotiċi. Wera wkoll kif il-kontribut tal-media huwa essenzjali biex jiżdied l-għarfien dwar l-użu tal-antibijotiċi u kemm il-Maltin jagħtu importanza lill-media bħalma huma leaflets informattivi, posters u billboards. Fil-fatt il-Eurobarometer wera kif persentaġġ kbir tal-Maltin, b'kuntrarju għall-pajjiżi l-oħra Ewropej, jagħtu importanza lill-media u l-informazzjoni li tiġi mqassma mid-dipartimenti konċernati. Ir-riżultati urew ukoll kif Malta tinstab fit-tieni post fejn jidħol użu ta' antibijotiċi fl-Ewropa. Għaldaqstant, il-konsum tal-antibijotiċi stabbilizza f'dawn l-aħħar sentejn u qed isir taħriġ apposta kemm lil min jikkonsma l-antibijotiċi kif ukoll lil min jagħti dawn l-antibijotiċi dwar l-użu korrett. Punt importanti li tqajjem huwa dwar l-użu tal-wide spectrum antibijotics fejn intqal li xi kultant dawn jagħmlu aktar ħsara milli ġid.
Dr Borg qal li l-Kumitat dwar l-antibijotiċi ppubblika fuq il-website tiegħu – www.nacmalta.info – sett ta’ linji gwida sabiex jgħin lit-tobba tal-familja jaslu għal deċiżjonijiet aktar korretti meta jippreskrivu antibijotiċi kif ukoll jevitaw l-użu ta’ wide spectrum antibijotics meta dawn ma jkunx hemm bżonnhom. Qegħda wkoll tinżamm statistika ta’ kemm jintużaw antibijotiċi f’pajjiżna biex nkejlu l-impatt tal-isforzi tagħna. Matul is-sentejn li għaddew, beda jidher sinjal ta’ progress. Fil-fatt iż-żieda fl-użu ta’ antibijotiċi li konna qed naraw sena wara sena fil-passat, issa jidher li ġiet mrażżna.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en