INVESTIMENT B’RISQ PROĠETT AGRIKOLU INNOVATTIV GĦAL BDIEWA U R-RAĦĦALA F’GĦAWDEX
Investiment ta’ aktar minn €1.2 miljun ser iwassal biex il-Farm tal-Gvern fil-limiti tax-Xewkija f’Għawdex jinbidel f’Ċentru ta’ Innovazjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent. Dan il-proġett ser ikun immexxi mill-Ministeru għal Għawdex b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u fost l-oħrajn għandu l-għan li jippromwovi prattiċi agrikoli li jirrispettaw is-saħħa u l-ambjent filwaqt li jintroduċi sistemi ġodda fil-qasam agrikolu f’Għawdex. Dan minbarra li jkompli jtejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi li jingħataw lil bdiewa u r-raħħala Għawdxin.
Fi żjara li għamlet fuq is-sit, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, segwiet mill-qrib ir-riżultati ta’ ħidma li ilha għaddejja tul dawn l-aħħar xhur. Ħidma li kienet tinkludi xogħol estensiv ta’ ristrutturar u manutenzjoni tal-proprjetà kollha fosthom uffiċini u spazji oħra għal ħaddiema, mqajel fejn jistgħu jinżammu annimali tal-irziezet, guva tal-għasafar kif ukoll spazju għat-trobbija tan-naħal. Xogħol ta’ tiswija fuq tlett ġwiebi qed izid il-kapaċità għall-ħażna tal-ilma għall-użu f’dan is-sit bi 3000 metru kubu li jissarfu fi 3 miljun litru ilma. Ġiet ukoll ristrutturata taqsima minn fejn tiġi koordinata ħidma marbuta mall-programm tal-Hands-on-Farming mal-iskejjel Primarji kollha f’Għawdex. Din it-taqsima ser tkun tista’ tospita lill-istudenti żgħar f’ambjent aktar akkoljenti li joffri aktar faċilitajiet għat-tagħlim dwar in-natura. Fuq kollox ser tkompli ttejjeb l-esperjenza diretta li t-tfal jagħmlu fiż-żjajjar tagħhom f’din it-taqsima, fejn jingħataw l-opportunita’ li jiżirgħu u jħawlu pjanti filwaqt li jkunu jistgħu ukoll jaraw l-annimali u l-għasafar fl-imqajel fil-qrib.
Żvilupp importanti kien it-twaqqif ta’ sitt serer ġodda li ħadu post is-serer il-qodma filwaqt li żiedu aktar spazju minn fejn tista’ tikber l-possibiltà ta’ studju dwar il-ħamrija u diversi prodotti agrikoli. Ġiet istallata wkoll sistema kompjuterizzata ta’ fertilizzazzjoni u tisqija li tilħaq kemm is-serer kif ukoll l-egħlieqi taċ-Ċentru. Dan jiffaċilita dan it-tip ta’ studju li finalment iwassal biex il-bdiewa Għawdxin ikunu jistgħu jingħataw pariri aktar aġġornati u assistenza oħra.
Sadanittant beda jsir ukoll xogħol ta’ riċerka fosthom dak dwar it-tiġieġa Maltija ta’ kulur iswed, analiżi ta’ diversi tipi ta’ frott tas-sajf kif ukoll ta’ tipi ta’ pjanti li jintużaw bħala għalf għall-annimali. Inxtrat ukoll kollezzjoni ta’ mijiet ta’ siġar tat-tin ta’ diversi varjetajiet tal-Mediterran bħala parti minn proġett ta’ riċerka dwar dawn is-siġar tal-frott. Se jsiru wkoll studji dwar l-aħjar użu tal-ilma fl-agrikoltura. Ġew imħawla aktar siġar fosthom madwar 500 siġra u arbuxelli indiġeni bħala parti minn proġett li ser ikun qed jippromwovi r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali.
Il-Ministru Giovanna Debono fissret kif il-proġett taċ-Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ambjent huwa marbut mal-inizjattivi tal-Pjan ta’ Azzjoni ekoGħawdex 2010-2012 li jfittex li jibdew jintlaħqu l-miri ta’ żvilupp sostenibbli f’diversi setturi soċjo ekonomiċi. Żiedet tgħid li l-qasam agrikolu huwa ta’ importanza qawwija għaliex minbarra l-kontribut ekonomiku fis-settur rispettiv, huwa wkoll strumentali fil-preservazzjoni tal-ambjent rurali ta’ Għawdex. ‘Dan il-proġett ikompli jixhed l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex bħala inizjattiva oħra li tkompli tagħti s-sostenn u l-għajnuna meħtieġa biex is-settur agrikolu f’Għawdex jibqa’ jiġi msaħħaħ’, qalet il-Ministru Debono.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en