STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U L-AFFARIJIET RURALI
Il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali jirreferi għall-istqarrija tal-Onor. Brincat
Li l-inċineratur ilbieraħ waqaf biex issir spezzjoni teknika fuq ħsara f’parti minnu mhix xi skoperta, tant li fis-sit eletroniku tal-WasteServ fejn ikun hemm ir-reading tal-operat tal-inċineratur, kien hemm nota li tgħid li l-inċineratur huwa wieqaf.
L-Onor. Brincat bl-istqarrijiet tiegħu qed jipprova jaqbad fuq materja teknika tal-inċineratur wara li ma jistax ikompli jgħid li dan qed joħloq impatt ambjentali negattiv kif kien ilu jallega li se jagħmel dan l-impjant. L-Onor. Brincat ma fadallux fejn idur iżda biex jikkritika qed jipprova jsib ma xiex jaqbad. L-istandards ambjentali li jilħaq l-inċineratur huma mifhuma u aċċettabbli tant li l-Onor. Brincat m’għadux isemmihom u qed jipprova jdawwar l-attenzjoni fuq dettalji tal-makkinarju.
L-inċineratur jaħdem skont standards Ewropej kif segwiti u imposti wkoll mill-MEPA. Kif konfermat minn spezzjoni teknika, ġie nnutat li kien hemm ħsara f’parti żgħira tar-refractory. Ir-refractory huwa l-materjal qisu siment li bih jinkesa l-forn minn ġewwa. Hija l-parti tal-impjant li tesperjenza temperaturi għoljin ħafna (bejn 800 u 1000 grad Celsius) tul il-ħin kollu li jkun qed jopera l-impjant. Tajjeb jingħad ukoll li din il-parti tal-inċineratur hija l-iktar parti li tiġi kkunsmata minħabba li tkun f’kuntatt kontinwu mal-materjal li qiegħed jinħaraq f’temperaturi għoljin, u dan bħal kull inċineratur ieħor li jopera f’dan is-settur. Bħalissa l-impjant qiegħed jiksaħ sabiex din il-parti tkun tista’ tissewwa mingħajr dewmien.
L-Onor. Brincat flok jitlob audit, għandu jaġġorna lilu nnifsu u jsir jaf kif jaħdmu dawn it-teknoloġiji. F’kemm ilu jiffunzjona dan l-inċineratur saru numru ta’ open days fejn fihom l-Onor. Brincat seta mar biex ikun jaf u jitgħallem kif taħdem din it-teknoloġija. L-Onor. Brincat naqas milli jagħmel dan u sa llum għadu ma jafx l-impjant kif inhu u d-dettalji ta’ kif jitħaddem.
Il-Gvern ifakkar li filwaqt li pajjiżna mexa ‘l quddiem fl-immaniġġjar tal-iskart tant li anki bl-inċineratur tal-Marsa ingħalqu l-inċineratur li kien hemm l-isptar San Luqa u l-isptar t’Għawdex li kienu jniġġsu l-arja u l-ambjent, l-Oppożizzjoni dejjem baqgħet siekta u qatt ma ħadet pożizzjoni jew ressqet proposta waħda fuq l-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna.
Is-serjetà titlob mod ieħor.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en