IL-PRESIDENT GEORGE ABELA JNIEDI L-IRKANT TAL-ARTI B’RISQ l-ISTRINA
“Grazzi lill-poplu Malti li b’tant ġenerożità qed jikontribwixxi għall-Istrina billi jipparteċipa għall-attivitajiet li qed jiġu organizzati.”
B’dan il-kliem ta’ ħajr il-President George Abela dalgħodu nieda l-irkant tal-Arti b’risq Istrina 2012 li qed jiġi organizzat għar-raba’ sena konsekuttiva. 62 artist tal-ogħla livell taw waħda mill-aqwa xogħlijiet tagħhom sabiex jiġu irkantati f’dan l-irkant tal-arti bil-qliegħ kollu jmur għall-Malta Community Chest Fund li b’hekk tkun tista’ tkun ta’ benefiċċju għal dawk kollha fil-bżonn. Sostna wkoll li din hija attività oħra fil-kalendarju tal-Presidenza li tippromwovi l-arti u l-artisti Maltin.
Il-President qal li hemm diversi każijiet li l-MCCF tiltaqa’ magħhom li huma ta’ qtiegħ il-qalb, speċjalment f’każijiet ta’ mard fejn isiru trattamenti barra minn xtutna. Il-President Abela semma’ l-każ taċ-ċkejkna Leah li ftit tal-ġranet ilu iltaqa’ magħha u l-familja tagħha meta kien qed iżur il-morda fl-isptarijiet f’Londra, bħalma jagħmel dejjem f’dan iż-żmien tas-sena. Huwa ħa l-okkażjoni sabiex jawguralha li l-operazzjoni tal-lum ġewwa l-Amerika tkun waħda ta’ suċċess.
It-tnehdija tal-irkant saret f’waħda mis-swali Statali tal-Palazz il-Belt, fejn bħalissa hemm esebiti il-pitturi u l-iskulturi li ser jiġu irkantati. Il-wirja tibqa’ miftuħa kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm sa nhar il-Erbgħa 21 ta’ Novembru 2012. Fil-messaġġ tagħha, iċ-Chaiperson tal-Kumitat Organizzattiv, is-Sinjura Doris Zahra appellat lill-pubbliku sabiex iżur l-esibizzjoni fil-Palazz il-Belt u jattendi l-irkant immexxi minn Joe Sammut ta’ Belgravia Auction Gallery li se ssir nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru 2012, fil-Palazz ta’ Sant’Anton. Appellat ukoll lil kumpaniji korporattivi sabiex jipparteċipaw f’dan l-irkant huma wkoll. Filfatt ser tiġi organizzata serata għall-korporattivi sabiex ikollhom iċ-ċans jaraw l-esibizzjoni, waqt li ser ikun irkantat dekanter ġentilment mogħti minn P. Cutajar.
Ġie ippubblikat katalgu sabiħ li jinkludi ritratt ta’ kull opra tal-arti u informazzjoni dwarha u dwar l-artist. Il-President irringrazzja lid-DOI u l-Istamperija tal-Gvern ta’ dan ix-xogħol tant sabiħ. Il-President Abela kellu wkoll kliem ta’ rikonoxximent għall-artisti u dawk kollha li b’xi mod għenu sabiex dan l-irkant u l-wirja iseħħu.
Id-dħul fil-Palazz ta’ Sant’Anton huwa permezz ta’ donazzjoni ta’ €25 u minħabba n-nuqqas ta’ spazju, huwa rakkomandat li min jixtieq jattendi jibbukja post fis-sala. Min ma jistax jattendi jista’ jagħmel offerta permezz ta’ bidding form waqt l-esibizzjoni jew jibgħatha bl-email fuq christine.camilleri@gov.mt jew iċempel 21221221, 22053148 jew 99874068. Il-pubbliku huwa wkoll mħeġġeġ jidħol fis-sit tal-MCCF (www.mccf.org.mt) sabiex jara ritratti tal-pitturi u l-iskulturi u d-dettalji dwarhom.
Other Press Releases:
PR262026
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...
PR262025en