Left arrow Go Back

PROGRAMM TA’ RESTAWR EKOLOĠIKU F’ERBA’ SITI JINKLUDI TAĦWIL TA’ MADWAR 1000 SIĠRA U ARBUXELLI F’GĦAWDEX

pr2450
Date Icon 08/11/2012

Permezz tal-proġett SIMBIOTIC li ġie mniedi f’Mejju tal-2011, ġiet ikkordinata ħidma li permezz tagħha f’Għawdex qed jitħawlu madwar 1000 siġra u arbuxelli f’erba’ siti ta’ sbuħija naturali f’Għawdex. Dan ser iwassal biex jintlaħqu l-objettivi marbuta mal-parteċipazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex bħala sieħeb fil-proġett Sicily-Malta BIOgeographical Transboundary Insular Connectivity (SIMBIOTIC). L-għan ta’ din il-parteċipazzjoni hu li tiġi mtejba r-rabta ekoloġika bejn ix-Xlokk ta’ Sqallija u Għawdex permezz ta’ restawr u riabilitazzjoni tal-abitat naturali fil-gżira Għawdxija kif ukoll permezz ta’ tisħiħ u mmaniġġjar tal-artijiet protetti fix-Xlokk ta’ Sqallija u f’Għawdex.

Dan il-proġett huwa parzjalment finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm ta’ Kooperazzjoni bejn il-Fruntieri bejn l-Italja u Malta 2007 – 2013. L-imsieħba l-oħra  flimkien mal-Ministeru għal Għawdex jinkludu l-Istitut tas-Sistemi Ambjentali fi ħdan l-Università ta’ Malta li qed imexxi dan il-proġett, id-Dipartiment tal-Bijoloġija fl-Università ta’ Katanja  u l-Comune di Pachino tal-Provinċja ta’ Sirakuża. 

L-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex żaret żewġ siti fejn f’dawn il-jiem qed jiġu mħawla s-siġar li jinkludu fost l-oħrajn Ballut, Ħarrub, Żebbuġ, Rand, Deru, Ġenista Safra, Klin, Għargħar, Riħana u Arżnu. Is-siti li tlieta minnhom huma fuq art tal-Gvern u oħra fuq art privata jinkludu l-Farm tal-Gvern fix-Xewkija, Masġar taż-Żebbuġ fl-inħawi Ta’ Lambert fix-Xewkija, is-sit magħruf bħala t-Taksis fl-inħawi ta’ Daħlet Qorrot fin-Nadur u  sit fuq l-Għolja ta’ Għammar qrib Ta’ Pinu.

Ix-xogħol marbut ma’ dan il-proġett kien jinkludi tindif u preparazzjoni tas-siti biex eventwalment setgħu jibdew jiġu mħawla s-siġar b’investiment ta’ ftit aktar minn €320,000. Filwaqt li s-sit f’Daħlet Qorrot kien jipproponi ambjent naturali mill-isbaħ bil-ħtieġa ta’ interventi minimi, Ta’ Lambert kien jirrekjedi aktar xogħol ta’ tindif u tneħħija ta’ siġar li mietu minħabba atti vandali. L-akbar numru ta’ siġar, madwar 500, se jiġu mħawla fil-farm tal-Gvern li qed jiġi mibdul f’Ċentru ta’ Innovazzjoni fix-Xjenzi Rurali u l-Ħarsien tal-Ambjent. Madwar 150 siġra oħra li se jitħawlu fuq l-Għolja ta’ Għammar ser ikunu qed jieħdu post numru ta’ siġar tal-Akaċja biex b’hekk jerġgħu jirrestawraw l-ambjent tal-post b’siġar indiġeni.  

Il-Ministru għal Għawdex fissret kif l-għanijiet ta’ dan il-proġett jaqblu perfettament mal-miri u l-ħidma tal-gvern fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ekoGħawdex. Barra minhekk ser ikun qed jikkontribwixxi wkoll fl-impenn tal-Ministeru għal Għawdex biex itejjeb il-prodott turistiku Għawdxi bħala destinazzjoni rurali ta’ kwalità.

Hija fissret kif dawn is-siti huma mistennija li jkunu wżati bħala laboratorji ħajja biex ikompli jiġi studjat il-qasam ta’ bijodiversità rikk li għandha l-gżira ta’ Għawdex filwaqt li ser iservu wkoll bħala proġett pilota għal inizjattivi oħra simili fil-futur.  ‘Fuq kollox f’temp ta’ ftit xhur ser inkunu qegħdin inroddu lura erba’ siti oħra għat-tgawdija tal-pubbliku wara li ftit ilu erġajna ftaħna Villa Rundle u inawgurajna Ġnien it-Tliet Għoljiet’ żiedet tgħid il-Ministru Giovanna Debono.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Imnedija l-Iskema Familja+ b’investiment ta’ €4.7 miljun li mistennija tilħaq madwar 7,000 tifel u tifla

PR262026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-POLITIKA SOĊJALI U L-FAMILJA U MILL-MINISTER...

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  Minister Silvio Schembri opens Tech Xpo and launches Malta’s AI Strategy 2.0

PR262025en

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

More Press Releases Right arrow